Mil-lum daħal avviż legali li jemenda l-ordni ta’ Standard Nazzjonali dwar il-Leave tal-IVF, taħt l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.
Dan tħabbar mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, fejn semma li permezz ta’ dan l-avviż legali, individwi jew koppji li jirrikorru għall-IVF se jkunu ntitolati għal 60 siegħa leave bi ħlas sħiħ mill-post tax-xogħol tagħhom.
Il-Ministru Abela stqarr: “Huwa importanti li aħna nassistu fuq il-postijiet tax-xogħol u qegħdin ngħidu wkoll li dan l-avviż legali li jistgħu isiru tliet proċessi, jiġifieri mhux proċess ta’ darba tal-IVF imma jistgħu isiru sa tliet proċessi u tliet proċessi se jibbenefikaw minn sittin siegħa leave għal kull persuna involuta.”
Il-Ministru Abela sostna kif firxa wiesgħa ta’ individwi jew koppji jagħżlu li japplikaw biex jagħmlu l-proċess tal-prokreazzjoni medikament assistita. Għalhekk, permezz ta’ dawn l-emendi, dawn l-individwi jew koppji issa se jkunu eliġibbli għal dan il-leave imħallas.
F’dan il-kunstest, il-Ministru qal kif dawn l-emendi jieħdu inkonsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-identità tal-ġeneru ta’ persuna tista’ tkun differenti mill-karatteristiċi tiegħu jew tagħha.
Huwa sostna: “Dawn se jibbenefikaw ukoll. Mhux se joqgħod jidħol fl-ID Card u affarijiet bħal dawn, tapplika wkoll viċi-versa u allura mhux se jkun hemm diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u l-gender identity skont jekk l-ID card tgħidx ħaġa jew oħra. Qed inneħħu d-diskriminazzjoni li kien hemm.”
L-emendi saru wara konsultazzjoni mal-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impjiegi, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni u d-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni.
Il-Ministru Abela fakkar kif fl-ewwel leġiżlatura tiegħu l-Gvern daħħal is-servizz bla ħlas tal-IVF filwaqt li fl-2018 daħlu fis-seħħ emendi ġodda fil-liġi tal-IVF li wessgħu s-servizzi mogħtija f’pajjiżna u taw ċans lil aktar individwi u koppji jsiru ġenituri.
“Dan huwa Gvern li jaħseb f’kull persuna u individwu u qed nagħmlu miżuri biex dawn il-persuni jkollhom ħajja aħjar skont l-aspirazzjonijiet tagħhom”, kompla jgħid il-Ministru Abela.
Ħabbar ukoll li mit-30 ta’ Lulju se jidħol fis-seħħ ukoll Avviż legali ieħor li jemenda regolamenti dwar impjegati stazzjonati f’Malta, f’impenn li jkompli jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.