Fl-ewwel ta’ Settembru d-ditta internazzjonali tal-lukandi Mercure se tiftaħ lukanda unika fil-qalba ta’ San Ġiljan biex toffri esperjenza ġdida lil kwalunkwe viżitatur.
Il-lukanda ta’ għaxar sulari li toffri veduta tal-bajja ta’ Spinola se jkollha mal-113-il kamra, u fi kliem il-manager Kurt Micallef se toffri esperjenza mill-isbaħ.
“L-ewwelnett din hija lukanda ġdida, prodott ġdid u sabiħ. Hemm dettall fil-kmamar ukoll u filfatt huma akbar min-normal. L-esperjenza li joffri l-post ukoll. Għat-turist San Ġiljan huwa post perfett u t-triq li qegħdin fiha hi għall-kwiet.”
Micallef spjega wkoll li ladarba l-ftuħ se jsir f’Settembru li ġej it-tmexxija tal-lukanda se jkollha ħjiel sew ta’ kif se jkun is-suq wara l-pandemija Covid-19 hekk kif l-ajruport se jiftaħ għad-destinazzjonijiet kollha f’nofs Lulju.
“Il-ħajja u l-ekonomija tgħaddi minn tlugħ u nżul. Din hija l-verità li qed ngħixu fiha. Sentejn ilu bdiet tinbena l-lukanda u fl-aħħar mill-aħħar trid tinfetaħ. Ma narawx il-futur. Nisperaw biss li meta niftħu fl-1 ta’ Settembru jkunu tranġaw l-affarijiet.”
Din se tkun lukanda ta’ erba’ stilel, xi ħaġa li fi kliem Micallef hawn domanda sosanzjali għaliha mit-turist.
“Veru nemmu fil-prodott u li l-lukanda hija l-prodott tajjeb, bid-decor kif suppost, ta’ ditta tajba u anke ta’ still tajba. Nemmnu li hemm suq kbir għal-lukandi tal-erba’ stilel.”
Id-ditta Mercure hija l-akbar ditta ta’ lukandi fl-Ewropa, tant li sa qabel il-Covid-19 kienet tiftaħ lukanda kull 29 siegħa. Micallef qal li b’din iż-żieda fil-kullana ta’ lukandi tagħhom, il-pajjiż se jkollu pjattaforma oħra ta’ reklamar fuq livell Ewropew.
“Il-klijent moħħu mistrieħ. Jekk jaf li se joqgħod f’Mercure, jaf li hemm ċertu standards speċjalment aħna u ħierġin mill-Covid-19. Aħna nħarsu ‘l quddiem għall-futur, imma nemmen li d-ditta hija xi ħaġa li għandna nkunu kburina biha.”