Mil-ewwel ta’ Lulju l’quddiem, f’Għawdex se jitkomplew l-attivitajiet li waqfu minħabba l-pandemija.
Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li spjega kif il-Ministeru li jmexxi ħejja programm sħiħ ta’ attivitajiet tul l-istaġun sajfi.
Fost l-attivitajiet li se jsiru se jkun hemm numru ta’ kunċerti ħdejn il-bajjiet u fil-pjazzez tal-irħula filwaqt li se jsiru wkoll festivals b’temi differenti.
Se jkun hemm ukoll wirja annwali tal-biedja u snajja.
Il-Ministru Camilleri spjega: “Niedejna programm ukoll għal dan is-sajf. Programm ta attivitajiet ġewwa l-gżira għawdxija propju minn Lulju sa Settembru b’numru ta’ attivitajiet mhux biss fil-bajjiet u fil-postijiet turistiċi ġewwa Għawdex iżda ukoll fiċ-ċentru tal-irħula tagħna.”
Stqarr kif dawn l-attivitajiet se jattiraw aktar Maltin u turisti lejn il-gżira tat-tliet għoljiet filwaqt li fakkar li li fil-jiem li ġejjin se jerġa’ jibda jopera r-raba’ vapur tal-Gozo channel, l-MV Nikolaos.
Huwa sostna: “Nattiraw turiżmu issa, mhux biss intern, mhux biss il-Maltin li jaqsmu lejn Għawdex iżda ukoll it-turiżmu estern propju ukoll fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, propju fil-bidu ta’ Lulju se jibda jopera ukoll ir-raba’ vapur sabiex it-traġid bejn iż-żewġt igżejjer iktar iffaċilitat u propju nagħmlu l-esperjenza ħolistika ta’ dawk kollha li jżuru il-gżira Għawdxija tkun waħda aktar pjaċevoli u tkun waħda aktar komda.”