L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ressaq ksur ta’ privileġġ fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, wara li allega li Dr. Muscat kellu informazzjoni li hemm pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia u għaldaqstant sejjaħ l-elezzjoni ġenerali qabel.
Dr. Muscat stqarr: “F’din il-kalunja qed jiġi allegat li jien b’xi mod kont naf bil-plot tal-qtil, li ma jirriżulta minn imkien, mill-ebda fantażija, u jien ngħid l-ebda livell ta’ skontru politiku ma jiġġustifika li bniedem jiġi mċappas b’allegazzjoni ta’ dan it-tip. Ma tirriżulta minn imkien ħlief mill-fantażija bla sens tal-onorevoli membru.”
Id-deputat Laburista qal fil-Parlament li jemmen li politiku jrid jaqla’ ġo fih u jħalli l-libertà tal-espressjoni tirrenja.
Qal iżda li l-aġir ta’ Azzopardi kien gidba inġurjuża u malafamanti fil-konfront tiegħu, li minbarra li ċaħadha bil-qawwa kollha, hija bla bażi.
Dr. Muscat temm jgħid li huwa l-unika Prim Ministru li taħtu ssolva każ maġġuri ta’ qtil.
Huwa sostna: “Jien kelli elf difett u għandi elf difett, imma taf x’naf li jien l-unika Prim Ministru li taħti ġie solvut każ maġġuri ta’ qtil.”
L-Ispeaker Anġlu Farrugia mistenni jagħti ruling dwar dan il-każ f’seduta parlamentari oħra.