Minn mindu nfetħet l-Emerġenza tat-Tfal, fl-Isptar Mater Dei, fl-aħħar ta’ Diċembru, ingħataw kura fiha aktar minn 12,000 tifel u tifla.
“Il-mard u l-kura tat-tfal huma differenti minn dawk tal-adulti u għalhekk kienet tinħass il-ħtieġa ta’ emerġenza li taqdi l-bżonnijiet tat-tfal,” qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fi stqarrija.
L-istaff, infermieri u tobba fl-Emerġenza tat-Tfal huma mħarrġa u speċjalizzati f’dan is-settur. Iżda fost oħrajn huwa l-ambjent li jagħmel din l-emerġenza differenti.
Fil-fatt kull kamra hija mpittra għal tema partikolari mid-dinja tat-tfal. Fl-emerġenza hemm ukollplay area kif ukoll faċilitajiet biex il-ġenituri jkunu jistgħu jbidlu u jreddgħu lit-tarbija tagħhom.