Kompliet l-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Xehed iċ-Chairman tat-teatru Manoel l-avukat Dr Michael Grech u qal li xi seba’ snin ilu kien ġie propost lilhom li jsiru drammi bil-Malti u għamlu ftehim mal-kumpanija ta’ Mario Philip Azzopardi, staġun Teatru Malta.
Sena u nofs qabel il-qtil ta’ Caruana Galizia, Mario Philip Azzopardi preżenta dramm bit-titlu: “Min qatel lil Daphne Caruana Galizia.”
Dr Grech qal li mit-titlu ta’ dan id-dramm huwa kien ġa rrifjutah u ġimagħtejn wara l-bord iltaqa’ u b’mod unanimu ddeċieda li dan id-dramm ma jsirx għax ma kienx idonju u jinċita l-mibgħeda.
Fl-aħħar sena, xehed li kien hemm dramm ieħor ‘Ix-Xiħa’ mill-istess kumpanija ta’ Mario Philip Azzopardi u qal li beda jaqra d-dramm u kien fuq blogger li deher imfassal fuq Caruana Galizia. Il-bord lanqas ma laqa’ dan id-dramm.
Xehed ukoll ir-raġel tal-vittma, Peter Caruana Galizia fejn qal li Keith Schembri ma qalx il-verità fix-xhieda dwar kif sar jaf bil-qtil ta’ Caruana Galizia. Keith Schembri qal li kien l-uffiċċju ma’ Joseph Muscat u Kurt Farrugia, iżda skont id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia dan mhux vera.
Filfatt Caruana Galizia qal li minn riċerka li għamel, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar ta; dakinhar tal-qtil kien qed jagħmel diskors f’kumpanija f’Tas-Sliema. Qal li ma jafx jekk mal-Prim Ministru kienx hemm Kurt Farrugia.
Xehed ukoll l-Ispettur Kurt Zahra li flimkien mal-ispettur Keith Arnaud qed jinvestiga dan l-omiċidju. Qal li Silvio Valletta kien id-deputat kummissarju tagħhom.
L-Ispettur Zahra xehed li ċirku ta’ nies li kienu jafu informazzjoni dwar il-każ kien vera żgħir. Qal iżda li meta sar jaf li bdiet ħierġa ċertu informazzjoni, intebaħ kemm ħajtu kienet fil-periklu. Qal li t-taqsima għar-reati ekonomiċi qed tinvestiga min fejn ħarġet ċertu informazzjoni.