Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar iltaqa’ mal-Korp tal-Pulizija, ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u mal-Forzi Armati.
Fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Cutajar iltaqa’ ma’ numru kbir ta’ pulizija li b’dedikazzjoni servew waqt il-pandemija. Huwa żar il-bini l-ġdid fuq wara tad-Depot li se jkun qed iservi ta’ ċentru konsolidat li fost l-oħrajn se jilqa’ fih is-Cyber Crime Unit, control room ġdida u laboratorji forensiċi. Dan il-proġett ta’ madwar miljun u nofs ewro mistenni jitlesta s-sena d-dieħla. Fid-Depot, is-Segretarju Permanenti Ewlieni żar ukoll iċ-ċentru speċjalizzat tal-112 fejn jidħlu t-telefonati kollha ta’ emerġenza. Preżenti kien hemm ukoll dak li kien Aġent Kummissarju Carmelo Magri flimkien ma’ dak li llum il-ġurnata hu l-Kummissarju Angelo Gafà.
Fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Cutajar segwa t-taħriġ ta’ salvataġġ fl-għoli kif ukoll taħriġ ta’ dekontaminazzjoni minn materjali tossiċi. Is-Sur Cutajar ra l-aħħar inġenji li nxtraw, fosthom vetturi tat-tifi tan-nar u apparat speċjali ieħor. F’dan iċ-ċentru qed jinbnew ukoll imħażen għall-HAZMAT kif ukoll garaxx għall-vetturi tat-tifi tan-nar. Preżenti kien hemm id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emmanuel Psaila.
Waqt iż-żjara li għamel fil-Kwartieri tal-Armata, Cutajar ra ċ-ċentri speċjalizzati li fihom issir sorveljanza ta’ dak kollu li jkun qed jiġri fit-territorju Malti, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. Is-Sur Cutajar iltaqa’ ma’ uffiċjali li jagħmlu xogħol ta’ monitoraġġ kontinwu fuq il-baħar kif ukoll mal-Brigadier Jeffrey Curmi,
Cutajar temm jgħid li bl-investiment li qed isir fil-forzi dixxiplinati Maltin, is-servizz li qed jingħata qed ikompli jkun dejjem tal-aqwa kwalità fejn il-pubbliku għandu serħan il-moħħ li ninsabu preparati għal kulma jista’ jinqala.