Tniffdet il-mina ta’ Santa Luċija biex b’hekk issa t-tħaffir tal-mini ta’ disgħin metru f’Santa Luċija tlesta hekk kif l-blat li jissepara Triq tal-Barrani minn Vjal Santa Luċija tħaffer kollu.
Dan ifisser li issa tlesta iktar minn sittin fil-mija ta’ dan il-proġett.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg tkellem dwar kif l-għan finali ta’ dan il-proġett huwa li jkun hemm toroq u junctions li jkomplu ma’ xulxin għal iktar effiċjenza.
“Proġett li se jelimina darba għal dejjem il-konġessjoni li r-roundabout ma baqgħetx tiflaħ għaliha u filfatt permezz ta’ dawn il-mini qed nantiżipaw li iż-żieda fid-domanda ġaladarba il-Marsa project ikun lest fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin u llum kien wasal dak il-mument li titniffed il-parti ta’ isfel mal-parti ta’ fuq.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, l-inġinier Fredrick Azzopardi stqarr kif dan il-proġett se jikkumplimenta il-proġett li għaddej fil-Marsa u li se joffri aċċess aħjar, minn u lejn il-lokalitajiet fin-Nofsinhar tal-pajjiż.
“Proġett importanti ħafna li jikkumplimenta lil dak tal-Marsa fejn huwa proġettat li sal-aħħar ta’ din is-sena aħna ukoll inlestu u niffaċilitaw anki l-aċċes lejn in-naħa ta’ isfel tal-pajjiż.”Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi tkellm dwar kif dan il-proġett se jkun qiegħed itejjeb il-kwalita tal-ħajja tan-nies u l-kwalita tal-ambjent hekk kif se jitnaqqas t-traffiku u l-ħin tal-vjaġġ.
“Dan huwa proġett ko-finanzjat b’fondi tal-Unjoni Ewropea li mistenni jiswa madwar tmintax il-miljun ewro. Proġett parti mill-Infrastuttura ten-T li permezz tiegħu se nkomplu insaħħu l-infrastruttura tat-traffiku f’pajjiżna, innaqsu l-ħin tal-vjaġġ, kif ukoll emmisjonijiet li jikkawża it-traffiku stess.”
Dan il-proġett se jipprovdi numru ta’ faċilitajiet għal mezzi tat-trasport alternattiv fosthom disinn ta’ jogging track u mina taħt l-art pedonali f’tal-Barrani li se jagħi aċċess għal ċiklisti u persuni b’diżabilità.