Is-sena l-oħra daħlu disgħa u tmenin applikazzjoni għal-liċenzja tal-gaming u l-Awtorità Maltija għal-Logħob tat tlieta u ħamsin liċenzja, fosthom lil dawk il-kumpaniji li applikaw is-sena ta’ qabel.
Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-Awtorità Maltija għal-Logħob li l-awtorità stess ippubblikat.
Sas-sena l-oħra kien hawn mitejn erbgħa u disgħin kumpanija tal-gaming ibbażati f’Malta jew online li joperaw b’liċenzja Maltija.
Jirriżulta wkoll li l-awtorità kkanċellat erbatax-il liċenzja u ssospendiet ħdax oħra.
Saħansitra nħarġu mat-tlieta u għoxrin multa fuq il-kumpaniji tal-gaming u anki nħarġu mad-disgħa u tmenin notifika fuq ksur ta’ qafas regolatorju b’saħħtu li pajjiżna hu magħruf għalih fil-qasam tal-gaming.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għal-Logħob, Heathcliff Farrugia qal lil dan l-istazzjon li l-ġurisdizzjoni Maltija għandha isem u għalhekk ir-rapport jixhed ħafna infurzar.
“Apparti mill-aspett ekonomiku illi aħna ovvjament din l-industrija dejjem inħarsu li s-sena 2019 kienet sena rekord u kien tajjeb ħafna, pero ma rridux ninsew illi l-aspett regolatorju, l-aspett ta’ infurzar huwa importanti ħafna.”
Matul is-sena li għaddiet, erbgħa u erbgħin applikazzjoni għal-liċenzja tal-gaming jew ġew irtirati jew ma ġewx aċċettati mill-awtorità.
“Kien hemm anki daqxejn aktar minn erbgħin kumpanija illi applikaw pero l-awtorità ma tathomx il-liċenzja għalfejn? Għax dawn ma kinux jilħqu l-istandards għoljin ħafna illi għandha l-awtorità u dan huwa importanti ħafna biex nissalvagwardjaw il-ġurisdizzjoni tagħna fejn jidħol is-settur tal-igaming.”
Ir-rapport juri wkoll li mal-ħmistax-il kumpanija jew persuna ma kinux idonji biex jilħqu l-livelli tal-awtorità f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tar-riskji fuq ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu.
Fil-fatt mal-elf u tliet mitt assessjar kriminali sar u kien hemm anki talbiet minn barra minn Malta biex l-awtorità tikkopera fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
L-Awtorità għal-Logħob għamlet ukoll ftehim mal-pulizija biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.
Dan filwaqt li irrevediet ftehim ieħor mal-FIAU.