Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab li ma kien hemm xejn x’jindika li l-Ministru Ian Borg ta ordni biex xogħlijiet bla permess li kienu qed isiru minn Infrastruttura Malta f’Wied Qirda jitkomplew bi sfida ta’ ordni ta’ waqfien maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA.
B’hekk il-Kummissarju George Hyzler ma laqax ilment imressaq minn Arnold Cassola.
Il-Kummissarju osserva li l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent intervjeniet b’mod professjonali u fil-pront, u aktar tard waslet fi qbil ma’ Infrastruttura Malta dwar kif kellhom isiru x-xogħlijiet b’mod li l-ambjent fil-wied jiġi mħares.