Fiċ-Ċentru Laburista ta’ Marsaxlokk qed jitlaqqa’ l-eżekuttiv tal-Partit Laburista fejn qed tiġi diskussa l-possibilità ta’ bidla fl-istatut biex il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit timtela’ minn persuna li ma tkunx Membru Parlamentari ħalli tkun iffukata biss fuq il-ħidma tal-Partit.
Il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit hija waħda mill-ogħla karigi fil-Partit Laburista, u min jokkupaha għandu żewġ irwoli kruċjali. L-ewwel wieħed huwa li jara l-implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali, u t-tieni li jiskrutinizza l-ħidma tal-Gvern.
Kif qal il-Mexxej Laburista lbieraħ, dan se jkun proċess li matulu kulħadd se jaħdem b’għan wieħed biex il-Partit Laburista jkompli jikber u jimxi ’l quddiem.
Robert Abela spjega li s-soltu l-Eżekuttiv jitlaqqa’ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, imma din id-darba mar għand in-nies f’Marsaxlokk u hekk bi ħsiebu jkompli jagħmel.
Qal li l-Partit Laburista huwa Partit miftuħ għall-ideat fejn wieħed jiddibatti, jiddiskuti u jasal għad-deċiżjoni fl-aqwa interess tal-Partit u tal-pajjiż.