Għaxar professjonisti minn setturi differenti se jkunu qed jiffurmaw think tank dwar l-ekonomija diġitali li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna.
Dan it-think tank ġie mniedi mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo, li qal kif il-futur tal-ekonomija moderna u diġitali jibda llum.
F’diskors li għamel waqt it-tnedija ta’ dan it-think tank, is-Segretarju Parlamentari Bartolo qal li permezz ta’ din l-inizjattiva se titfassal strateġija diġitali ġdida li se tgħin biex tassigura ekonomija aktar flessibli.
Huwa qal li permezza ta’ din l-inizjattiva, pajjiżna qed juri li jrid ikun minn ta’ quddiem fis-settur tal-ekonomija diġitali.
Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo qal: “B’hekk ikollna ekonomija iżjed reżiljenti, ikollna ekonomija tiflaħ iżjed. Trid tkun iżjed diversifikata u fl-istess ħin tkompli toħloq opportunitajiet ta’ xogħlijiet ġodda fiż-żmien illi ġej.”
Dan it-think tank huwa mmexxi mis-Sur Kearon Bruno li huwa ekonomista, u miegħu għandu xjentisti, ekonomisti u persuni fl-oqsma tal-gaming u dak edukattiv.
Is-Sur Bruno qal li bl-introduzzjoni ta’ dan it-think tank se jkun qed jipprepara għal kull sfida tal-futur, bħal dak li ġara tul il-pandemija.
Huwa spjega: “Sabiex inkomplu nippreparaw għad-dinja ta’ għada u kien għalhekk li dan it-think tank għandu żewġ binarji li l-għan tagħhom huwa li l-ewwel jikkonsolida setturi li ġa huma eżistenti f’pajjiżna u kif ukoll jattira niċċeċ ekonomiċi ġodda.”