Joseph Rodney Grima ta’ 23 sena minn Għajnsielem, Għawdex tneħitlu l-liberta proviżorja wara l-appell li għamel l-Avukat Ġenerali lill-Maġistrat Antonio Micallef Trigona dwar il-ħelsien mill-arrest. Huwa ġie akkużat b’importazzjoni u pussess ta’ 15-il kilo droga kokaina li nstabet moħbija f’karozza li nxtrat mir-Renju Unit u li nġiebet f’pajjiżna bil-vapur minn Sqallija nhar it-Tnejn li għadda.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat talab biex il-karozza tiġi rmunkata minħabba problemi mekkaniċi. Il-kawża ta’ dawn il-problemi kienet propju d-droga li tpoġġiet fit-tank tal-fjuwil. Qabel instema dan il-każ fil-Qorti, fi stqarrija, l-Pulizija qalet li raġel ta’ 66 sena minn Ħal Qormi qed jiġi investigat b’relazzjoni ma dan il-każ.
Fost il-kundizzjonijiet li għamel il-Maġistrat Antionio Micallef Trigona, l-Ġimgħa, kien depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €50,000 kif ukoll li ma jistax joħroġ mid-dar bejn is-sebgħa ta’ filgħaxija u s-sitta tal-għada filgħodu, il-ħin fejn imur għax-xogħol fil-barriera ma’ missieru.