Wara sentejn u nofs l-Ingilterra nistenna ma’ binti Ellie sabiex jinstabilha trapjant tal-fwied, issa qegħdin lura Malta u għall-ewwel darba wara dawn is-snin se ngawdi Jum il-Missier f’pajjiżna, b’moħħi mistrieħ li t-tifla hija b’saħħitha.
Qal dan Ray Portelli, fejn spjega li dawn l-aħħar snin ma tantx seta’ jgawdi Jum il-Missier mingħajr ansjetà u mingħajr il-ħsieb ta’ xi telefonata li kienet se tibdel ħajjet bintu.
“Iva aħna qattajna kważi sentejn u nofs l-Ingilterra ħabba li t-tifla kellha trapjant tal-fwied nirringrazzja l-imbierek Alla issa kollox sewwa. Irritornajna lura f’Novembru u father’s day ma tantx kien father’s day sabiħ.” Stqarr Portelli.
Qalilna li bħala missier ħassu kburi b’bintu meta kienet dieħla għat-trapjant tal-fwied b’kuraġġ ta’ sur u b’saħħitha kollha.
F’dawn is-snin l-Ingilterra Ray qatt ma ġie Malta u rari kien joħroġ minn ħdejn bintu, hekk kif din riedet attenzjoni l-ħin kollu.
Ray kellu messaġġ ta’ kuraġġ għal dawk il-missirijiet kollha li għaddejjin minn esperjenza simili bħal ma għadda hu. Esperjenza li toħroġ aktar fil-beraħ il-vera mħabba tal-missier lejn uliedu.
Kompla jgħid, “Mhux faċli għall-ġenituri meta jkollhom it-tfal tagħhom ma jifilħux. Nagħmillhom kuraġġ, mhux dejjem tista’ tkun tajba imma j’alla dejjem jiġi tajjeb.”
U b’hekk issa Ray reġa’ qabad ir-rutina tas-soltu ta’ Malta u se jkompli jaqdi dmiru ta’ missier, kuntent li bintu għandha futur sabiħ jistenniha quddiemha.