Il-Ħadd filgħodu fid-Dar Ċentrali kien hemm laqgħa mqanqla tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista reġgħu tefgħu pressjoni fuq il-futur ta’ Adrian Delia bħala Kap.
Sorsi fil-Grupp Parlamentari qalu lil ONE News li l-laqgħa kienet ikkaratterizzata b’ħafna għajjat u storbju, b’Delia sab l-appoġġ biss ta’ ftit mid-Deputati Nazzjonalisti fosthom Edwin Vassallo, Carm Mifsud Bonnici u l-Viċi-Kap Robert Arrigo. Ħafna deputati għażlu li ma jmorrux għal-laqgħa.
Fi sforz ieħor biex itajruh, id-Deputati Nazzjonlisti, l-aktar dawk mill-fazzjoni Busuttil, iffaċċjaw lil Adrian Delia b’numru ta’ stejjer li ġew ippubblikati fil-midja.
Fost l-istejjer li ssemmew kien hemm l-istħarriġ tas-Sunday Times, li fih Adrian Delia baqa’ fejn kien u ma rriżultax progress wara tliet snin kap.
Deputati Nazzjonalisti għamlu referenza ukoll għall-allegazzjonijiet li ilu jagħmel David Thake fuq sena. F’Ġunju tas-sena l-oħra, fuq ix-Xandir Nazzjonali, Thake kien staqsa jekk is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, offriex €50,000 lill-Partit ta’ Delia biex David Casa ma jiġix elett fl-elezzjoni tal-Parlament ewropew.
Sorsi fil-Grupp Parlamentari qalu lill-MaltaToday li David Thake kien fuq quddiem biex il-Ħadd filgħodu talab lil Adrian Delia jitlaq. Sorsi fil-laqgħa qalu lil ONE News ukoll li d-Deputati Nazzjonalisti dehru mhux kuntenti b’dak li qed jgħid Adrian Delia fuq meta iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech.
Deputati Nazzjonalisti tkellmu ukoll mat-Times u qalu li Delia jgħid mod u jagħmel mod ieħor, u jħalli lil kulħadd bla motivazzjoni. Madankollu, is-Segretarju Ġenerali Interim Francis Zammit Dimech, sejjaħ lil Adrian Delia bħala ‘asset’.
Bħalissa d-Deputati Nazzjonalisti għaddejjin b’tentattiv ieħor sabiex itajru lil Adrian Delia wara li sa ftit tal-ġimgħat ilu Jason Azzopardi kien għaqqad grupp ta’ sbatax-il eroj blu li kienu lesti li jisfiduċjaw lil Delia minn Kap.