Il-miżuri tal-Gvern fil-qasam soċjali biex dan jilqa’ għall-effetti tal-Covid-19 biex jilqa’ l-effetti tal-COVID-19 ingħataw prominenza mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà Soċjali, li għandha taħt il-protezzjoni tagħha bosta aġenziji u dipartimenti governattivi minn pajjiżi differenti. F’analiżi dwar kif il-pajjiżi pproteġu dan il-qasam tul il-pandemija, l-Assoċjazzjoni qalet li l-miżuri kollha tal-Gvern Malti flimkien ma’ Aġenziji bħal Malta Enterprise u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, ikkontribwixxew bi sħiħ biex il-popolazzjoni tiġi mħarsa mill-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi. Dawn kollha kienu effettivi wkoll biex ir-rata ta’ infezzjoni fil-pajjiż tinżamm baxxa, biex jissalvaw mall-100,000 impjieg, u biex żewġ terzi tal-impjegati fis-settur privat jirċievu għajnuna finanzjarja. Hawn issemmiet ukoll il-ħidma li saret biex jitħarsu anzjani, persuni vulnerabbli u persuni b’diżabilità.
L-Assoċjazzjoni qalet ukoll li s-servizz pubbliku kien strumentali tul il-pandemija, u l-effiċjenza li bih ġew ipproċessati l-benefiċċji se jawgura tajjeb biex fin-normalità ġdida jkomplu jissaħħu s-servizzi u l-amministrazzjoni b’mezzi elettroniċi, u b’hekk titjieb il-kwalità tas-servizzi li jieħu l-poplu.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li pajjiżna ġie mfaħħar ukoll għall-passi li ħa fil-qasam soċjali.
Huwa stqarr: “Kburi mmens li nifforma parti minn dan it-tim ta’ Servizzi Soċjali u ħdimna anke b’żieda max-xogħol tas-soltu biex għinna lis-soċjetà hemm barra. Il-valuri soċjali kienu, għadhom u se jibqgħu dejjem fil-qalb tal-partit u tal-gvern. Irridu nħarsu ‘l quddiem issa u dak li rnexxielna nagħmlu f’ċirkostanzi diffiċli konvint li nistgħu nagħmluhom ukoll f’ċirkostanzi normali.”