Fl-aħħar ġimgħat mindu ġiet ikkontrollata l-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna u bdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet, irduppjaw in-nies li marru l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza Dr Michael Spiteri qal li fl-eqqel tal-pandemija, in-numru ta’ pazjenti li kienu jmorru l-Emerġenza naqas sew, fi kliemu b’mod inkwetanti.
Iżda fl-aħħar ġimgħat, medja ta’ aktar minn 250 persuna qed jirfsu l-għatba tal-Emerġenza kuljum.
Huwa spjega: “F’dawn l-aħħar ftit ġimgħat, l-attendenza kważi rduppjat fid-Dipartiment tal-Emerġenza u r-raġunijiet għal dan huma li jkollok iżjed nies li jrabbu l-kunfidenza issa li n-numru ta’ każijiet li għandna fil-pajjiż naqas b’mod sinifikanti, ukoll meta tibda terġa’ tirranka l-attività fil-pajjiż, ovvjament ikollok iżjed nies li jkunu nvoluti f’inċidenti, f’inċidenti tat-traffiku, inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol, għaldaqstant ix-xogħol tagħna jerġa’ jibda jirranka.”
It-tabib tal-Emerġenza tkellem ukoll dwar fenomenu li qed jerġa’ jitfaċċa fid-Dipartiment.
Dr Spiteri sostna: “Sfortunatament qed nerġgħu naraw żieda fil-fenomenu ta’ nies li jiġu l-Emerġenza għal kundizzjonijiet li għalihom setgħu nqdew tajjeb ħafna jew għand it-tabib tal-familja tagħhom jew inkella fiċ-ċentri tas-saħħa iżda li għal xi raġuni għadhom jemmnu li fid-Dipartiment tal-Emerġenza ħa tinqeda aħjar jew iktar malajr miċ-ċentri l-oħra.”
Dr Spiteri qal li minkejja li ġiet ikkontrollata b’mod tajjeb ħafna l-imxija, fid-Dipartiment li jmexxi hu, jibqgħu jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni.
Huwa kompla jgħid: “Kemm jista’ jkun possibbli, aħna napplikaw regoli ta’ social distancing anki bejn il-pazjenti ħalli jekk ikollna xi pazjenti li jistgħu jirriżultaw li jkunu morda bil-COVID, il-virus għadu magħna, so every now and again ikollok pazjenti li jippreżentaw fid-Dipartiment b’sintomi tal-COVID u wħud minnhom jiġu approvati li jkollhom il-COVID, dawn ma jkunux ta’ periklu la għall-pazjenti l-oħra u lanqas għall-istaff tagħna.”
Filwaqt li tenna li s-servizzi qegħdin hemmhekk biex jingħataw, Dr Spiteri appella biex jirfes l-għatba tal-Emerġenza min verament għandu bżonn.
“Appell qawwi ħafna aktar minn qatt qabel għan-nies li jistgħu jinqdew għal affarijiet żgħar li m’għandhomx bżonn kura ta’ emerġenza biex jagħmlu użu miċ-ċentri tas-saħħa jew mit-tabib tal-familja tagħhom”, qal Dr Spiteri.