Għal sena oħra se jittella’ l-Parlament taż-Żgħażagħ.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ, intqal li din is-sena se jkun hemm erba’ temi li se jkunu diskussi miż-żgħażagħ bejn 14 u 35 sena.
Dawn huma l-immigrazzjoni, l-effetti ekonomiċi wara l-pandemija tal-Covid-19, iżjed opportunitajiet għaż-żgħażagħ fl-isport u fl-arti u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika.
Il-President tal-KNŻ Chiara Vassallo spjegat li dawn it-temi ħarġu minn sejħa għat-temi li l-Kunsill għamel fix-xhur li għaddew.
“Din is-sena se nkunu qed niddiskutu 4 temi għax iż-żewġ gruppi taż-żgħażagħ ħa jkunu qed jingħaqdu u jiġu diskussi f’daqqa. Għalhekk qed inniedu programm ta’ facilitators biex avolja jkun hemm differenza fl-etajiet tal-parteċipanti jkollhom l-għajnuna neċessarja biex huma jkunu jistgħu jiddibattu b’mod normali.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima filwaqt li awgura liż-żgħażagħ għall-edizzjoni ta’ din is-sena, stqarr li l-Parlament taż-żgħażagħ huwa għodda importanti għalihom.
“Il-fatt li għandek iż-żgħażagħ li baqgħu għaddejjin bil-proċeduri sabiex jassiguraw li pajjiżna jkollu din l-għodda li tagħti ċ-ċans liż-żgħażagħ jesprimu l-ideat tagħhom, ideat li huma importanti, bħala politiku żgur se nkun qed inressaq biex tingħata l-importanza li tant tistħoqqilhom.”
Iż-żgħażagħ huma mħeġġa jagħmlu kuntatt mal-KNŻ sabiex jipparteċipaw f’dan il-Parlament.