Studju tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali wera li l-Maltin huma infurmati biżżejjed fuq il-privatezza tagħhom fuq il-mowbajls.
Dan l-istudju jpoġġi lill-Malta minn ta’ quddiem, hekk kif disgħa u ħamsin fil-mija tal-parteċipanti Maltin qalu li huma konxji tal-privatezza tagħhom fuq applikazzjonijiet fuq il-mowbajl, bħal Facebook u Instagram.
Fil-pajjiżi kollha, wieħed minn kull ħames persuni biss jaqraw it-termini u kundizzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tad-data. Sebgħa u għoxrin fil-mija tal-parteċipanti qalu li dawn il-kundizzjonijiet ma jifmuhomx.
Minkejja dan, l-istudju juri li f’dan il-każ, il-Maltin xorta jibqgħu fuq nett li jafu x’inhi l-protezzjoni tad-data.
Filwaqt li l-Polonja u l-Greċja jinsabu fil-quċċatta nett ta’ nies li jifhmu eżatt it-termini u kundizzjonijiet tal-privatezza, Malta u l-Bulgarija jinsabu eżatt warajjhom, bi tnejn u tmenin fil-mija tal-parteċipanti iwieġbu pożittiv.
Min-naħa l-oħra, l-istudju juri wkoll li l-maġġoranza tal-Maltin huma komdi li jużaw is-sistema li tagħraf l-uċuħ biex jieħdu servizzi minn kumpaniji privati.
Flimkien maċ-Ċiprijotti, il-Maltin huma wkoll fost l-aktar jużaw din is-sistema li tagħraf il-wiċċ biex jiksbu servizzi oħrajn pubbliċi.
L-istudju juri wkoll li filwaqt li sitta fil-mija biss tan-nies fl-Unjoni Ewropea lesti biex jużaw din is-sistema tal-wiċċ ma’ kumpaniji privati, tlieta u tletin fil-mija tal-Maltin iħossuhom komdi li jagħmlu dan.
Din is-sistema li tagħraf il-wiċċ qed issir popolari ferm, hekk kif l-intelliġenza artifiċjali qed tiddomina diversi setturi u servizzi madwar id-dinja.
Fl-istudju, li sar bejn Jannar u Ottubru tas-sena l-oħra, ħadu sehem ħamsa u tletin elf persuna mill-Unjoni Ewropea, mir-Renju Unit u Mil-Maċedonja ta’ Fuq.