Malta kompliet issaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-Ungerija, hekk kif pajjiżna se jilqa’ ‘l fuq minn tmien t’elef student Ungeriż sabiex jiġu jitgħallmu l-Ingliż hawn Malta.
Dan intqal waqt żjara qasira li għamel f’pajjiżna l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż meta ltaqa’ mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
Waqt din il-laqgħa ż-żewġ pajjiżi tkellmu fuq l-immigrazzjoni, fejn qablu li l-Unjoni Ewropea tħares il-fruntiera tagħha fil-Mediterran u taħdem mal-pajjiżi Afrikani għall-iżvilupp u għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Afrika stess.
Il-Ministru Bartolo qal kif l-għajnuna lejn il-pajjiżi Afrikani trid tkun dik ekonomika.
“Unless we want a humanitarian crisis to become a security crisis for Europe, we have to stop the thousands of people in crossing the Sahara and then crossing the Mediterranean to come to Europe.”
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż qal kif l-Ungerija taqbel ma’ Malta biex isir programm Ewropew sabiex tgħin lil-Libja fil-ġlieda kontinwa kontra t-traffikar uman
“We have to strengthen the Libyan Coast Guard, so the smuggling network should be explored.”
Iż-żewġ pajjiżi qablu li li jinfetħu ċentri għall-ipproċċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil u li jiġu ripatrijati dawk li ma jikkwalifikawx għall-ażil.
Iż-żewġ naħat tkellmu ukoll fuq is-settur turistiku, bis-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi semma din it-tema fi sfond li issa qed tgħaddi l-imxija.
“Tkellimna dwar il-prospetti ta’ turiżmu wara l-pandemija, il-qasam ta’ studenti Ungerizi li jiġu jitgħallmu l-Ingliż ġewwa Malta, tkellimna dwar l-isfidi fl-immigrazzjoni u anke l-ħidma flimkien fl-Unjoni Ewropea.”
Intant, il-Ministru Ungeriż iddikjara li l-Ungerija se tkun qed tappoġġja lil Malta fl-elezzjoni tal-elfejn tnejn u għoxrin għal siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.