Ġew imnedija sett ta’ inċentivi ġodda għat-tliet xhur tas-sajf sabiex b’investiment ta’ seba’ mija u ħamsin elf ewro, l-ekonomija u l-ħajja fil-Belt Kapitali Maltija terġa’ tieħu spinta ‘l quddiem.
Dan wara li għal diversi ġimgħat minħabba l-pandemija ħadd ma kien qed jidħol il-Belt. Iżda issa li l-imxija f’pajjiżna kważi għaddiet, l-ħajja reġgħet ġiet għan-normal u li Malta mistennija tilqa’ l-ewwel turisti mill-ewwel tal-Lulju, il-Kapitali jixraqilha li terġa’ tiġi kif kienet qabel, ħajja u b’atmosfera ferriħija li tirrifletti l-karattru tal-Maltin.
L-inċentivi tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa filgħodu fi Strada Merkanti.
- Il-MUŻA, il-mużew tal-arkeoloġija, il-Forti Sant’Iermu, il-mużew tal-gwerra u mużewijiet oħra ser ikunu qed jinfetħu bla ħlas bejn l-Erbgħa u l-Ħadd mill-għaxra ta’ filgħodu sas-sitta u nofs ta’ bil-lejl.
- Għax-xahar ta’ Lulju se jinfetħu bla ħlas l-attrazzjonijiet uniċi tal-Fondazzjoni Wirt Artna, fosthom il-Barrakka ta’ Fuq, is-Saluting Batteries, il-Headquarters tal-Gwerra u l-Lascaris War-rooms li fihom se jkun hemm gwidi li se jispjegaw l-istorja bil-Malti u l-Ingliż.
- Għax-xahar ta’ Lulju u Awwissu mis-sitta ta’ filgħaxija sa nofsilejl, it-trasport bil-baħar bejn tas-Sliema u l-Belt u bejn il-Kottonera u l-Belt se jkun bla ħlas għal kulħadd.
- Bejn Lulju u Settembru, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti u Festivals Malta se jsiru tliet attivitajiet kulturali fil-ġimgħa bla ħlas għal kulħadd. Dawn ivarjaw minn kunċerti mużikali, il-Valletta Paegent of the sea, il-Malta Jazz Festival u Arti u teatru tat-triq.
- Għal tliet xhur sħaħ ser ikun hemm dwal, bnadar, pavaljuni u atmosfera ta’ festa mal-Belt kollh Disa’ baned lokali u ż-żewġ baned Beltin ser jallegraw lin-nies fi ġranet differenti.
- Mill-ewwel ta’ Lulju sa l-aħħar tas-sajf il-liċenzja għall-permess biex tidħol fil-Belt Valletta bil-karozza ser titneħħa.
- Finalment, in-negozji fil-Belt mhux ser ikunu qed iħallsu għas-siġġijiet u mwejjed.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Jason Micallef qal li b’dawn l-inċentivi se terġa’ tibda r-rota ekonomika fil-kapitali.
“Il-Belt huwa l-aktar post milqut post-COVID u mis-sitwazzjoni li għaddejna minnha f’dawn l-aħħar xhur u allura l-inizjattiva tagħna hija maħsuba li tixpruna mill-ġdid l-interess ekonomiku, soċjali u kulturali fil-Belt Valletta.”
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita tat-Turiżmu Johann Buttigieg saħaq li din il-kullana t’attivitajiet se jiġbdu anki t-turisti li se jibdew ġejjin mill-bidu tax-xahar id-dieħel.
“B’dawn l-inċentivi li qed nagħmlu flimkien mal-VCA, irridu li l-Belt tagħna tkun ippreparata biex kif jibdew jaslu l-ewwel turisti dawn se jkollhom l-aħjar esperjenza.”
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-artijiet Chris Agius qalu li dawn l-inċentivi qed jippromwovu wkoll l-użu ta’ mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli.
Min-naħa l-oħra l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli flimkien mal-Ministru għall-Kultura Josè Herrera saħqu fuq il-ħtieġa li l-Belt terġa’ tieħu l-ħajja sabiex in-negozji tal-post jerġgħu jieħdu n-nifs.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll is-Sindku tal-Belt Alfred Zammit.