Tħabbru żidiet fid-deterrenti għal min jinqabad jarmi b’mod illegali. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA se tkun qed tfassal emendi legali sabiex jisaħħu l-miżuri kif ukoll il-multi għat-tali abbużi.
Ħabbar dawn iż-żidiet fil-penali, Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, fejn sostna illi l-ambjent Malti ma jistax jibqa’ jkun il-vittma ta’ min hu rresponsabbli.
Dawn il-penali se jkunu f’kategoriji differenti skont it-tip ta’ materjal mormi:
- Penali ta’ €1,000 għal rimi ta’ inqas minn metru kubu ta’ materjal tal-franka jew skart ta’ kostruzzjoni.
- Penali ta’ bejn it-€3,000 u t-€30,000 għal ammont ’il fuq minn metru kubu ta’ materjal tal-franka. Il-multa tkun skont il-kwantità ta’ materjal.
- Penali ta’ bejn l-€4,000 u l-€50,000 għal ammont ’il fuq minn metru kubu ta’ materjal ta’ kostruzzjoni u twaqqigħ. Il-multa tkun skont il-kwantità ta’ materjal mormi. Jekk tali materjal ikun imħallat bi skart perikoluż, il-penali minima tkun ta’ €6,000.
- Penali ta’ mhux inqas minn €500 għal tagħmir tal-elettriku kbir mormi f’postijiet pubbliċi
Bl-emendi li ġew proposti mill-ERA, il-Pulizija se tingħata s-saħħa biex titlob il-Qorti timponi s-sekwestru tal-vettura jew liċenzja li biha jsir ir-reat.
“Hija sinerġija bejn ħafna entitajiet, jiġifieri r-regolamenti jagħtu poter kemm lil-LESA li tieħu azzjoni u anke finalment lill-pulizija li jkunu jistgħu jieħdu azzjoni. Jiddependi minn fejn jidħol il-complaint, però iva jekk l-informazzjoni tasal għand l-ERA tkun tista’ tmexxi l-proċess hi biex finalment jiġu mmultati u jsir id-deterrent kif suppost”
Is-Segretariu Parlamentari Deo Debattista qal illi fl-aħħar ħames snin id-Dipartiment tal-Indafa Pubblika ġabar mal-43,000 tunellata ta’ skart mormi llegalment.
“Ħa nwaħħlu 25 camera oħra, CCTVs, iktar milli diġà hemm. Diġà għandna 22 camera, issa ħa nwaħħlu 25 camera oħra”
Intant, il-Ministru Aaron Farrugia saħaq dwar l-importanza ta’ dawn id-deterrenti.
“Dan qed nagħmluh biex ikun hemm deterrent fil-pajjiż, għaliex fl-aħħar xhur kellna żieda ta’ rimi ta’ skart madwar il-pajsaġġ Malti u aħna l-għan tagħna huwa li nżommu l-pajsaġġ Malti għalina l-familji Maltin u għal uliedna”