Aktar nies f’Malta għandhom il-fiduċja li l-qagħda finanzjarja tagħhom se titjieb u inqas persuni huma inċerti riżultat tal-impatt li ħalliet l-imxija, anki fuq l-ekonomija.
Dan ħareġ minn studju fost ftit aktar minn erba’ mitt persuna u li sar bejn id-disgħa u għoxrin ta’ Mejju u l-ħamsa ta’ Ġunju.
Dan propju ftit qabel mal-Gvern ħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro biex iwieżen lill-familji u lin-negozji.
Dan l-istudju tqabbel ma’ ieħor li kien sar f’April, fl-eqqel tal-pandemija u fl-aħħar studju ħarġu riżultati li wrew titjib.
Dan l-istudju kien ippreżentat fil-programm edukattiv tal-Gvern favur aktar litteriżmu finanzjarju, Ġemma.
L-istudju juri li f’Mejju, 83% tan-nies kellhom kontroll fis-sitwazzjoni finanzjarja. Dan kien 1% iżjed minn April.
L-istħarriġ wera wkoll li f’Mejju kien hemm biss 9% li ħassew li s-sitwazzjoni tagħhom marret għall-agħar.
Dan meta fix-xahar ta’ qabel dwar dan kienet irreġistrata ċifra ta’ 12%.
F’Mejju kien hemm ukoll 59% ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ li qalu li s-sitwazzjoni tagħhom baqgħet l-istess.
Dan għal kontra t’April meta dwar dan kien hemm 53%.
F’Mejju kien hemm ukoll 19% tan-nies f’Malta li wieġbu li s-sitwazzjoni finanzjarja se titjieb fit-tliet xhur li ġejjin.
Dan ifisser żieda ta’ 8% fuq ix-xahar ta’ qabel.
Mill-istudju ħareġ ukoll li nofs dawk intervistati, f’Mejju qalu li huma f’pożizzjoni li jġemmgħu filwaqt li f’April iċ-ċifra kienet ta’ 46%.
Aktar minn kwart ta’ dawk li rrispondew għal dan l-istħarriġ qalu wkoll li għandhom pjan għall-pensjoni u beħsiebhom iżidu l-fond tal-irtirar fit-tliet xhur li ġejjin.