Ċiklist ta’ 36 sena li jgħix Ħaż-Żabbar indarab gravi wara li l-Ħamis filgħaxija kien involut f’ħabta bejn rota u karozza fiż-Żejtun.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.30 pm fi Triq Alfredo Cachia Zammit meta r-rota li kien qed isuq ir-raġel ħabtet ma’ karozza tat-tip Seat Ibiza, li dak il-ħin kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 24 sena li joqgħod Birżebbuġa.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei biex jagħti l-għajnuna meħtieġa liċ-ċiklist, iżda dan ittieħed l-isptar għal aktar kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.