Bniedem sinċier, determinat, dixxiplinat u li jisma’.
Dawn huma l-kliem li jiddeskrivu lil Dun Anton Teuma, li se jkun qed jieħu f’idejh it-tmun tad-Djoċesi Għawdxija bħala d-disa’ Isqof ta’ din il-gżira.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ Dun Michael Galea, saċerdot li għal seba’ snin sħaħ kien seminarista meta Dun Anton kien rettur tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesu.
Dun Michael qalilna li l-Isqof elett għandu pjan ta’ kif ħa jasal biex iwettaq il-viżjoni għad-djoċesi tal-gżira tat-tliet għoljiet.
“Mill-esperjenza tiegħi li għamilt f’dawn is-seba’ snin li għamilt bħala seminarista ma’ Dun Anton, lil Dun Anton nafu bħala bniedem illi jisimek, bniedem li kapaċi illi kapaċi janalizza s-sitwazzjoni, ir-realtà li tkun fija u jiddeċidi. Hu bniedem li għandu viżjoni u għandu pjan ta’ kif ħa jasal biex iwettaq dik il viżjoni”
Dun Michael Galea qalilna kemm Dun Anton għandu imħabba lejn l-Art Imqaddsa, infatti minn Settembru tal-elfejn u sebgħa sa Ġunju tal-elfejn u tmienja, l-Isqof elett għamel sena sabbatika fl-Art Imqaddsa u kiseb Diploma fil-formazzjoni bibblika minn Istitut f’Ġerusalem.
Tkellimna wkoll mar-rettur attwali tas-Seminarju Maġġuri Dun Richard Farrugia, fejn spjega kif Dun Anton, fil-ħidma twila tiegħu mal-familji, dejjem fetaħ idejh għal kulħadd, anke għal dawk il-koppji divorzjati jew separati.
“Nista’ nistqar li huwa bniedem ħafna attent għall-persuni u anke hu bniedem li jaħdem ħafna biex jagħti l-aħjar tiegħu, jifhem ukoll il-fraġilita u l-umanità tal-persuni li għandu quddiemu. Infatti anke l-pastorali li kien jagħmel ma’ dawk li huma sseparati jew dawk li għaddew minn falliment fiż-żwieġ tagħhom, ma’ dawk li huma ddevrozjati, juri li l-attenzzjoni kbira li għandu lejn il-persuni li ma jiġġudikahomx imma pjuttost jipprova jilqagħhom.”
B’digriet mill-Vatikan moqri min-Nunzju Appostoliku għal Malta, l-Erbgħa ġie mħabbar li Dun Anton Teuma ser ikun qed jieħu post l-Isqof Mario Grech, li ser ikun qed iħalli lil Għawdex biex jieħu kariga għolja f’Ruma.