B’investiment ta’ €120,000, jinsabu fl-aħħar fażi x-xogħlijiet infrastrutturali fuq il-grawnd tal-futbol tas-Siġġiewi.
Bl-għajnuna tal-Gvern, sar xogħol biex tissaħħaħ din il-faċilità sportiva, li ċertu elementi fiha setgħu kienu ta’ periklu għall-mijiet ta’ tfal u żgħażagħ li jattendu ta’ kuljum għat-taħriġ.
Il-Perit tal-proġett spjegat li bħala parti mix-xogħlijiet inbnew ħitan mill-ġdid u saret xibka tal-azzar, flimkien ma’ struttura angolata biex l-ilma tax-xita jiżżerżaq u ma jinġemax.
“Il-ħajt meta rajnieh kellna bżonn jissaħħaħ u għalhekk għamilna x-xogħlijiet meħtieġa biex jissaħħaħ. Ma ridniex immissu t-turf allura ħallejna l-ħajt li hemm eżistenti, tellajna ħajt ieħor u mlejna bejniethom bil-konkos.”
Il-President tal-klabb Mario Caruana spjega li minħabba dawn il-problemi infrastrutturali, il-klabb ma setax jiffoka fuq l-għan primarju tiegħu, jiġifieri t-taħriġ sportiv.
Saħaq ukoll li, li kieku ma kienx għall-għajnuna tal-Gvern, il-klabb żgur li ma setax jidħol għal dan l-investiment.
“It-tfal hawnhekk jiġu minn ħames snin sa tmintax, dsatax-il sena, u l-periklu li kien hawn kien kbir allura aħna kienet il-prijorità tagħna s-safety tat-tfal.”
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg spjega li apparti x-xogħlijiet fil-komunitajiet, id-Dipartiment iwettaq ukoll ħidma fi proġetti sportivi, bħalma diġà sar fi grawnds oħra.
“Ħafna drabi nidħlu fejn ikun hemm il-periklu, bħal dan il-każ, l-istruttura ta’ barra, fejn għandek tfal, żgħażagħ, qegħdin training u dik l-infrastruttura permezz tal-ħaddiema tal-Public Works, irnexxielna nagħmlu biċċa xogħol tajba biex issa mhux biss il-post huwa aktar sigur imma inħares ’il quddiem biex klabbs bħal dawn ikomplu jinvestu u jikkumplimentaw l-investiment li jkun għamel il-Gvern.”