L-aġenzija tal-enerġija u l-ilma nediet strateġija nazzjonali għal riċerka u innovazzjoni fis-settur għall-għaxar snin li ġejjin.
L-għan ta’ dan hu li jingħata appoġġ lill-industrija u l-akkademja fil-qasam biex jipprovdu informazzjoni li jkollha impatt tanġibbli. Fl-istess ħin se jkun żgurat li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-partijiet kollha fil-qasam. L-Uffiċjal Kap għall-Istrateġija, l-Inġinier Sandro Lauri, spjega li l-Aġenzija ħasset il-bżonn ta’ din l-istrateġija minkejja li l-qasam ġieli ra pjanijiet ta’ dan it-tip.
“Tinvolvi wkoll tranżizzjoni għall-enerġija nadifa minn sorsi rinovabbli u anke l-ilma, li huwa tant importanti fil-qasam lokali. Ridna li jkollna strateġija ffukata fuq dawn iż-żewġ setturi, li saret b’konsultazzjoni wiesgħa.”
L-aġenzija ħadmet ukoll mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-teknoloġija għat-tfassil tal-istrateġija. Fuq kollox se tingħata prijorità wkoll lill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma u l-enerġija rinnovabbli.
“Hemm numru ta’ oqsma li ġew identifikati b’riċerka li ħassejna li r-riċerka għandha tiffoka fuqhom. Għan ieħor huwa li npoġġu l-partijiet kollha nvoluti madwar mejda biex ikun hemm pooling ta’ riżorsi bejnithom.”
Il-Ministru responsabbli minn dan il-qasam, Michael Farrugia, qal li dan kollu qed ikompli jibni fuq ħidma li diġà qed issir fis-settur, u se tippromwovi ideat ġodda bil-għan li jiżdiedu l-investiment u l-kompetittività.
L-istrateġija hija wkoll aċċessibbli għall-pubbliku minn fuq is-sit uffiċjali tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.