Il-kumment tal-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista tat-tmeninijiet, Louis Galea li l-Partit Laburista għandu cancer, kien wieħed insensittiv.
Dan stqarru Dun Ġorġ Dalli li bħalissa għaddej mill-vjaġġ tal-fejqan wara li anki hu marad bil-kanċer.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, Dun Ġorġ Dalli qal li l-metafora li qal li uża, Louis Galea kienet iebsa iżda l-iktar ħaġa li tagħtu ġewwa kien meta Galea qal li dan il-cancer tista’ ttih ħafna trattament iżda jibqa’ partit marid.
“Fil-metafora li qal li qed jgħid hu u mhux kull metafora tista’ tgħidha, dik li qal li tagħti kemm tagħti kura inti xorta l-marda ħa tibqa’ hemm hekk. Meta aħna, anki permezz tal-għaqda tal-Aurora li hemm propju ġol-isptar kienu dejjem anke jgħinuna psikoloġikament biex dejjem nemmnu li 85% tal-cancer, jekk inti toqgħod attent u ssegwi dak kollu li jgħidulek huma, jitfejjaq.”
Dun Ġorġ Dalli tenna fuq l-uġigħ li ħassew in-nies.
“Allura li tisma’ lil xi ħadd li jgħidlek li tieħu kemm tieħu kura, inti ħa tibqa’ marid, dak għalija huwa kumment insensittiv ħafna, ħafna, ħafna.”
Il-qassis li jitkellem ħafna fil-midja biex iwassal messaġġi ta’ min nixtarru, appella biex noqogħdu attenti x’lingwaġġ nużaw.
“Biex noqogħodu attenti meta nsemmu mard, meta nsemmu nies li huma diżabbli, meta nsemmu nies li għandhom bżonnijiet speċjali għaliex il-weġgħat tagħhom u tal-familji tagħhom ikunu qegħdin hemm hekk.”
Bħalissa Dun Dalli qed jaqsam l-esperjenzi tiegħu tal-marda tal-kanċer fi ktieb bit-titlu ‘Il-Vjaġġ tal-Fejqan”.
Qal li l-flus mill-ktieb se jmorru b’donazzjoni lill-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund.
“Biex nagħmel kuraġġ lil dawk kollha għaddejin mill-vjaġġ tal-fejqan fil-marda tal-cancer. Bħal ma għaddej fiha jiena. Anki ħsibt li nikteb ktieb li semmejtu propju b’dan it-titlu.”
Nhar il-Ħadd filgħodu, Louis Galea mqabbad mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia biex iwettaq ir-riformi fil-partit f’tal-Pietà saħaq li l-Partit Laburista huwa partit marid.
“Hu partit illi għandu cancer, għandu cancer. Issa tista’ ttih ħafna treatment u tagħmel, u ħafna affarijiet imma marid, partit marid.”
L-għada fuq ix-xandir nazzjonali, mistoqsi mill-preżentatur għalfejn uża l-kelma cancer, Louis Galea baqa’ jsostni, il-għaliex le.