Waqt kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru qal li f’Malta għandna Oppożizzjoni li ftit li xejn tista’ tifhem il-mod kif hija tirraġuna.
Il-Prim Ministru qal li din il-ġimgħa kellna r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni li vvota kontra li jkun hemm ir-riġenerazzjoni tal-Baċir Numru 1, li għal tant snin kien imwiegħdha li ssir minn Gvern Nazzjonalista, qatt ma seħħet, kien post mitluq f’nofs Bormla, f’nofs il-Kottonera u ma nistax nifhem jien kif ikollok Oppożizzjoni li tivvota kontra li jkun hemm riġenerazzjoni ta’ post bħal dan.
Dr Muscat saħaq li dan il-vot tal-Oppożizzjoni huwa kontra r-riġenerazzjoni ta’ wirt storiku, huwa kontra l-investiment f’pajjiżna speċjalment fin-naħa ta’ isfel u huwa kontra lis-South tal-pajjiż ikollu investimenti li ma jniġġżux, imma investimenti li jġibu l-ġid u dan il-ġid jinqasam bejn medda akbar ta’ nies.
Fil-fehma tiegħi l-Oppożizzjoni għandha ħafna u ħafna x’tirrispondi lin-nies tas-South, lil dawk li għandhom għal qalbhom ir-riġenerazzjoni tal-wirt storiku, kif għax fis-South, ikunu kontra l-American University of Malta, saħansitra waslu biex jivvutaw kontra r-riġenerazzjoni tal-Baċir u jippreferu li kieku kien għalihom li titħalla binja mitluqa flok tkun iġġenerata u tkun ta’ pulmun għall-investiment, ta’ edukazzjoni, ta’ ħajja, fin-naħa ta’ isfel tal-pajjiż, spjega Joseph Muscat.
Deċiżjonijiet li s’issa ġa waslu għal żieda ta’ €680miljun f’investiment barrani
Il-Mexxej tal-Partit Laburista qal li investiment bħal tal-American University of Malta jiġu għax dan il-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet, deċiżjonijiet il-ħin kollu u f’kull mument, deċiżjonijiet li waslu biex matul din il-leġislatura s’issa ġa żdied b’€680miljun l-investiment barrani f’pajjiżna biex issa tlajna għal €3.2biljun ta’ investiment barrani li ġie f’pajjiżna, deċiżjonijiet li waslu biex id-defiċit kompla niezel u niezel għax kabbarna l-ekonomija, billi qed indaħħlu aktar flus u mhux billi nżiedu l-income tax u nżiedu taxxi oħra fuq in-nies, sostna l-Prim Ministru.
“Ħadna deċiżjonijiet ta’ sens komun f’dak li għandu x’jaqsam ma’ r-regolarizazzjoni tal-binijiet li f’pajjiżna hawn mijiet biex ma ngħidx eluf ta’ familji milquta, ħafna drabi mingħajr ma jafu huma stess minn sitwazzjonijiet minn fejn minħabba varjazzjonijiet żgħar fil-binjiet fejn ikunu qed joqgħodu, dawn ma jkunux jistgħu jinbiegħu” spjega Dr Muscat.
“Aħna ħriġna bi programm ta’ regolarizazzjoni, programm ta’ sens komun, mhux skema ta’ regolarizazzjoni ma’ dak li għandu x’jaqsam ma’ binjiet barra z-zona ta’ żvilupp, dawk ma jistgħux jiġu rregolarizatti u mhux qed ngħidu li min kiser il-liġi f’zoni barra l-iżvilupp ħa ntuh iċ-ċans biex jirregola kollox, dawn iridu jkunu f’zona ta’ żvilupp, ċertu tip ta’ regolarizazzjoni u fuq kollox trid tħallas” tenna l-Mexxej tal-Partit Laburista.
Żied jgħid li ma jistax ikun li tikser il-liġijiet u qisu ma ġara xejn, min jikser ir-regolamenti jridu jkunu biss ċertu tipi ta’ ksur, ħafna drabi każijiet bona fide.
Bank għall-iżvilupp li se jkun parti mil-legat ta’ dan il-Gvern
Min-naħa l-oħra, stqarr Joseph Muscat, it-tkabbir ekonomiku rridu nkomplu nsostnuh billi nkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet, billi nkomplu mexjin ‘il quddiem. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li approvat it-twaqqif tal-Bank għall-Iżvilupp hija deċiżjoni importanti għall-futur, bank li jkun hemm għall-proġett infrastrutturali u f’ċirkustanzi anke jgħin lil banek oħra biex jgħinu lill-kumpaniji żgħar.
Dr Muscat għamel referenza wkoll għall-fatt li Malta għandha l-ogħla perċentwal ta’ gradwati li kif joħorġu mill-Università jsibu xogħol u jsibu xogħol mill-ewwel. Semma kif huwa sodisfatt ukoll għall-fatt li kien hemm 3,500 student li s’issa għamlu użu mir-revision classes u dawn qed jgħinuhom biex jgħaddu mill-eżamijiet tagħhom. Idea ta’ privitajiet b’xejn li kienet bdiet fiċ-Ċentri Laburisti tan-Naxxar u Raħal Ġdid, spjega Joseph Muscat, filwaqt li stqarr li huw sodisfatt, li għandna ekonomija b’saħħitha imma li l-ġid ta’ dik l-ekonomija qed jinfirex u se jkompli jinfirex b’mod ġust.
Fl-aħħarnett il-Mexxej tal-Partit Laburista qal li huwa jrid isellem il-vittmi tat-terremot li seħħ fl-Italja, traġedja enormi, traġedja umana ta’ dimensjonijiet kbar ħafna f’dan il-pajjiż ġarr tagħna. Jien kburi wkoll bil-voluntiera Maltin li qed jgħinu lill-ħaddiema u voluntiera Taljani f’dak kollu li ntalbu biex jagħmlu. Malta se tkun dejjem hemm biex tgħin lil dan il-pajjiż ħabib tagħna, temm jgħid Dr Muscat.