Fil-forti Sant Iermu tnieda pjan ta’ azzjoni għal 42 Kunsill Lokali sabiex il-lokalitajiet Maltin u Għawdxin jgawdu minn trasport sostenibbli u effiċjenti, kwalità ta’ ħajja aħjar u ambjent isbaħ.
Dan il-pjan bl-isem ta’ ‘Slow Streets’ ser jara li jiġi nċentivat l-użu tal-mixi, ir-roti u t-trasport pubbliku sabiex b’hekk tirrenja aktar serenità fl-irħula Maltin u Għawdxin.
Fil-fatt f’konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali is-Sur Mario Fava qal li wieħed mill-erba’ pilastri li fuqhom huwa msejjes dan il-pjan huwa t-trasport sostenibbli.
“Wieħed mill-4 pilastri ewlenin huwa t-trasport sostenibbli u rridu naraw kif nipprovdu mezzi alternattivi ta’ trasport lir-residenti tagħna.”
Dan flimkien ma’ iktar spazji miftuħa sabiex jitgawdew mir-residenti nfushom.
“Nemmnu li r-residenti jridu jkunu prijorità fix-xogħol tal-Kunsilli Lokali u l-irwol tal-Kunsilli Lokali huwa propju li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tiegħu.”
Għall-konferenza fejn fiha ġie ffirmat ftehim fuq dan il-pjan t’azzjoni ma’ Transport Malta, attendew il-Ministru għat-Trasport Ian Borg u l-Ministru għall-Gvern Lokali Josè Herrera.
Il-Ministru Ian Borg qal li l-Kunsilli Lokali issa jridu juru l-inizjattiva sabiex dan il-pjan jitwettaq fil-lokalità tagħhom.
“Qed nenfasiżżaw li dawn huma deċiżjonijiet tal-Kunsilli. Huma jridu jiġu fuqna għaliex huma jafu l-lokalità tagħhom. Huma jafu lin-nies fil-lokalità tagħhom u allura nħares ‘il quddiem sabiex inkomplu nassisstu lill-Kunsilli Lokali u fl-aħħar mill-aħħar intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.”
Minn naħa tiegħu l-Ministru Josè Herrera rrimarka l-impatt ambjentali pożittiv li ser iħalli dan il-proġett.
“Dan huwa wkoll proġett favur l-ambjent għax jekk inti se tislowja t-traffiku jew se tneħħi t-traffiku minn ċertu toroq inti naturlament se tnaqqas l-emmissjonijiet u allura inti se timmerlorja l-kwalità tal-arja u ara l-kwalità tal-ħajja.”