Is-Sindku tar-Rabat Għawdex, li nstab ħati li saq xurban u rrifjuta t-test tan-nifs wara inċident fejn weġgħu xi persuni, ikkonferma kif il-Kap Nazzjonalista jridu jkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali.
Dan jikkonferma dak irrapportat fl-aħħar ġimgħat li Simon Busuttil m’għandux problema bl-aġir tas-Sindku li nstab ħati mill-qorti anke jekk dwar kif fil-każ wera nuqqas ta’ azzjoni serja kitbu opinjonisti ewlenin u saħansitra editorjali tal-ġurnali.
Li l-Kap qed jgħafsu biex joħroġ ikkonfermah Azzopardi nnifsu f’intervista mal-Illum, li fiha iddikjara li għadu mhux ċert. U żied li l-kap tal-Partit, il-kummissjoni u Joe Borg, li jmexxi l-għażla tal-kandidati, qed jagħfsuh biex joħroġ.
“Iżda, ma rridx nikkonferma qabel ma nkun ċert,” qal Azzopardi.
Il-ġenn biex Azzopardi jikkontesta huwa konferma ta’ dak irrapportat minna fl-aħħar ġimgħat li l-Partit Nazzjonalista qed jirrifjutawlu ħafna kandidati f’Għawdex.
Kien għalhekk li Simon Busuttil ma ħax passi fil-konfront tiegħu u reġa għamlu Sindku ftit wara li nstab ħati mill-qorti. Qal li kif ħarġet is-sentenza iltaqa ma’ Simon Busuttil u kien il-Kap li ħass li għandu jerġa’ jieħu l-kariga ta’ Sindku. Jgħid li kien lest joqgħod għal kull deċiżjoni u saħansitra jammetti li għall-PN id-deċiżjoni tal-Kap ma kinetx l-aħjar waħda. “Għall-PN kien ikun ħafna aħjar li kieku għażel li nibqa barra,” wieġeb Azzopardi.