Storja fil-faċċata ta’ The Malta Independent kienet deskritta bħala ‘gidba sfaċċata’ mill-uffiċċju tal-Prim Ministru. The Malta Independent qed tirrapporta li l-Prim Ministru kien jaf bil-każ ta’ allegat frodi fi ħruġ ta’ visas.
F’reazzjoni minn Kastilja, ntqal li b’mod malizzjuż il-gazzetta qed tipprova tqarraq bil-qarreja tagħha. “F’dan il-każ u kull meta l-Prim Ministru rċieva xi allegazzjoni, dejjem ħa l-passi u għadda t-tagħrif lill-awtoritajiet relevanti. Hija biss spin li din id-darba aġixxa differenti,” qalet stqarrija tal-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-ġurnalist jidher li jserraħ fuq messaġġ ta’ ċertu Libjan Ben Nasan, biex wasal għal konklużjoni li dan huwa qrib il-Prim Ministru u li kien se jiltaqa’ miegħu. “Gidba oħra,” jgħid l-ufffiċċju tal-Prim Ministru. Bl-istess uffiċċju jgħid lill-gazzetta li din il-persuna (Khaled Ben Nasan) insistiet regolartment biex ikollha iktar laqgħat privati mal-Prim Ministru, imma dawn kienu rrifjutati wara li m’għaddiex mill-iskrutinju neċċessarju.
Fil-fatt, il-Ħadd filgħodu l-Illum irrapportat li s-Sirjan, bil-passaport Libjan, li qed jakkuża lil Neville Gafa li rċieva flus b’mod illeċtu kellu l-applikazzjoni tiegħu ta’ residenza miċħuda għal darba darbtejn, kemm mis-Servizzi tas-Sigurtà kif ukoll mill-pulizija tal-Immigrazzjoni. Dan minħabba informazzjoni mhix affidabbli.