Nies iddisprati għall-ikel u saqaf fuq rashom spiċċaw jgħixu fil-kampijiet. Iktar minn 2,000 Taljan mistennija jkunu sabu kenn f’xi wieħed minn bosta kampijiet armati apposta wara li terremot ħalla ħerba sħiħa b’mod partikolari f’Amatrice. Sa issa kienu ddikjarati mejta 281 persuna u villaġġi sħaħ spiċċaw meqruda.
Il-kampjiet tqiegħdu f’ħafna lokalitajiet milquta, fejn mhux biss mietu n-nies iżda binjiet dehru jaqgħu b’theżżiżiet ta’ wara t-terremot, magħrufa bħala aftershocks.
Il-protezzjoni ċivili tal-Italja qalet li se tkun qed tagħmel iktar kampijiet biex tilħaq iktar nies fil-bżonn. Nies li bħal fil-gwerra spiċċaw fil-kju biex jieħdu platt ikel offrut lilhom minn diversi volontiera. Quddiem dawn iċ-ċirkostanzi jibdew stejjer ta’ min ikun qata’ qalbu għal kollox.
“M’hemmx tama. Hemm wisq persuni mejtin. U Amatrice m’għadiex teżisti, sparixxiet. Hemm wisq persuni mejta, wisq tfal,” qalet Angelina Leone mara li tkellmu magħha l-ġurnalisti tas-CNN.
Perspettiva differenti hija ta’ min ma tilifx kollox. Anna Maria Volpetti li kienet żjara f’post twelidha waqt it-terremot qalet: “Konna ffortuntati għax it-terremot kien qawwi.”
In-numru ta’ mejtin qed ikompli jiżdied u issa wieħed jibda jitlef it-tama li jsib ħajjin lil dawk li għadhom ma ħarġux minn taħt it-tifrik. Agħar minn hekk is-sitwazzjoni qed tnissel ċertu biża’ kif żvelajna lbieraħ meta rrapportajna: Tal-SOS Malta mitluba jirtiraw: BIŻÀ MINN TERREMOTI OĦRA