Tmiem il-ġimgħa li għadda kienet waħda tajba ħafna u l-aħjar waħda minn mindu reġgħet bdiet iddur ir-rota ekonomika wara l-imxija.
Dan stqarru l-Viċi-President tal-Kamra tan-Negożji ż-Żgħar u Medji ma’ dan l-istazzjon fejn spjega n-negozji rrappurtaw ċaqliq fid-direzzjoni t-tajba.
Qal li negozji bħal postijiet tad-divertiment u stabbilimenti oħra kellhom in-nies u spjega kif il-miżuri li ħabbar il-Gvern, fosthom il-voucher ta’ €100 lil kull persuna ta’ ‘l fuq minn 16-il sena, se jagħtu stimulu qawwi.
Il-Viċi President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, is-Sur Philip Fenech stqarr: “Dan il-tmiem il-ġimgħa aħna x-xogħol kemm ilu li issa fetħet u qed tiffunzjona u qed jiffunzjonaw il-postijiet tad-divertiment, bil-mod il-mod, qed nibnu dan tmiem il-ġimgħa wera, kien l-aħjar weekends s’issa, kemm ilna li ftaħna. Qegħdin nistennew ukoll ħerqana biex joħorġu dawk il-vouchers li tkun ħa ngħidu hekk it-tieni daqqa għall-ekonomija ‘l quddiem.”
Is-Sur Fenech kien qed jirreaġixxi b’mod pożittiv għall-fatt li fil-jum tal-Ħadd, il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss ħabbar li tneħħiet l-emerġenza tas-saħħa pubblika iżda anki qal li żdiedu aktar destinazzjonijiet li l-ajruport Malti se jiftaħ lejhom mill-ewwel ta’ Lulju u imbagħad min-nofs Lulju, se nkunu qed niftħu għad-destinazzjonijiet kollha.
Is-Sur Fenech ikkummenta wkoll b’mod pożittiv għall-fatt li l-Gvern kien pro-attiv u f’April kien diġà beda kampanja promozzjonali fuq Malta bit-tema Oħlom issa… żurna ‘l quddiem.
Huwa sostna: “Illi se ssir kampanja, kampanja internazzjonali fit-turiżmu illi ħa tgħinna ħafna biex nerġgħu jkollna l-pożizzjoni tagħna fis-suq u barra minn hekk ukoll se jkun hemm xi pakketti għall-ajruplani ta’ inċentivi li ħa jgħinu wkoll biex ikomplu jġibu u jattiraw it-turisti lejn pajjiżna.”
Mal-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji ngħaqdet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u s-Sidien tar-Ristoranti, l-MHRA.
Fi kliem il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA, bdiet titwitta t-triq biex ikollna sajf.
Is-Sur Agius Muscat qal: “Ilqajna din il-komunikazzjoni tal-Prim Ministru bħala mod pożittiv biex ngħid hekk. Mhux se jkun sajf bħal ma aħna s-soltu mdorrijin bih iżda permezz ta’ din id-deċiżjoni, issa se jkollna opportunità biex nibdew inwittu t-triq biex nerġgħu niġu għan-normalità.”