Rapport li rċiviet il-Pulizija nhar l-24 ta’ Awwissu, 2016, għall-ħabta tal-16:30 fejn mara nsterqulha xi oġġetti personali waqt li kienet qiegħda tgħum f’Marsalforn wassalt għall-arrest ta’ żewġ persuni, raġel ta’ 25 sena residenti l-Imtarfa u raġel ieħor ta’ 36 sena residenti Marsaskala.
Wara aktar investigazzjonijiet, il-Pulizija solvew sensiela ta’ serq li kien qiegħed iseħħ ġewwa il-bajja ta’ Marsalforn. Għaldaqstant iż-żewġt irġiel ġew imressqa l-Qorti llum b’arrest quddiem il-Magistrat tal-Għassa.
Kienu akkużati b’serq ta’ flus u oġġetti oħra u li laqgħu għandhom ħwejjeġ misruqa. Il-ġuvni ta’ 36 sena ġie akkużat ukoll li rrenda ruħu reċediv.
L-imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi u ngħataw il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet tal-Qorti, fosthom depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000.