Fl-2009, il-Bies (Falco peregrinus) ġie ristabbilit bħala waħda mill-ispeċi li jbejtu f’Malta wara nuqqas ta’ 29 sena (l-aħħar data kienet irreġistrata fl-1980).
Fi stqarrija l-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti qalet li żewġ pari Bisien ġew irreġistrati li bejtu fl-2009 u minn dik is-sena, baqu jbejtu regolarment b’suċċess kull sena.
Fl-2015, ornitoloġisti li ilhom jagħmlu monitoraġġ ta’ dawn it-tajr tal-priża mill-2009, ikkonfermaw it-tielet par li għamel il-bejta.
Din is-sena, żdied par ieħor bil-bejta, u b’hekk issa n-numru ta’ Bisien ibejtu fil-Gżejjer Maltin tela’ għal erbgħa.
Minkejja li għadna nisimgu stqarrijiet il-bogħod mill- verità u qarrieqa, bħal “xejn ma jista’ jbejjet lokalment minħabba l-kaċċaturi” u “dawn jisparaw għal kull ma jtir” eċċ, dawn il-kisbiet ta’ suċċess jirriflettu l-maturità u r-risponsabbiltà bejn tal-fraternità tal-kaċċaturi. Ir-riżultati jitkellmu weħidhom; dan it-tajr, u fejn qed jagħmel il-bejtiet tiegħu, jinsabu f’żoni fejn il-kaċċa tiġi pprattikata legalment tul l-istaġun miftuħ għall-kaċċa kollu, u l-kaċċaturi, membri tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), huma strumentali fil-monitoraġġ u s-salvagwardja ta’ dawn it-tajr majestużi tal-priża.
Il-Bies m’huwiex l-unika speċi ta’ tajr tal-priża li bejjet b’suċċess dan l-aħħar. Kien hemm ukoll rapporti kkonfermati ta’ bejtiet b’suċċess tal-iSpanjulett (Falco tinnunculus).
Il-FKNK irrangrazzjat lil dawk involuti fil-monitoraġġ u r-rapportaġġ ta’ dawn il-kisbiet, fosthom l-ornitoloġisti, u l-kaċċaturi, membri tal-FKNK għax-xogħol u l-impriżi ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u azzjonijiet, kif ukoll għall-impenn tagħhom.