Il-bojkott li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista fl-iskrutinju parlamentari tal-kandidat riferut Angelo Gafà, għall-kariga ta’ Kummissarju tal-pulizija ġie mfisser bħala dgħjufija u diservizz lill-pajjiż.
L-editorjal tal-Independent saħaq li għall-ewwel darba f’pajjiżna se jkollna Kummissarju tal-Pulizija magħżul bi proċess trasparenti minflok magħżul mill-gvern.
Fissret is-sistema ġdida mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, li għamlet skrutinju u għarblet il-kandidati kollha bħala waħda distakatta mill-politika.
L-editur tal-Independent żied jgħid li hemm tliet rawnds ta’ skrutinju fuq min se jokkupa l-ogħla kariga fil-korp u l-Oppożizzjoni hi involuta fi tnejn minnhom.
L-Oppożizzjoni hi involuta fil-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, hekk kif hi għandha żewġ membri li nnominathom hi u anki ċ-chairperson Louis Naudi, nħatar bi qbil mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan filwaqt li l-Oppożizzjoni hi parti mill-Kumitat parlamentari għall-ħatriet pubbliċi u għalhekk bl-ebda mod ma tista’ tgħid li mhiex involuta fil-proċess tal-għażla.
L-editorjal żied jgħid li l-Oppożizzjoni għandha l-obbligu li tagħmel skrutinju lill-persuna li se tieħu f’idejha t-tmexxija tal-korp tal-pulizija.
L-independent żiedet tgħid li l-Oppożizzjoni qed tirraġuna bħat-tfal filwaqt li ssaqsi kif il-fatt li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dan il-bojkott, x’benefiċċju se jkun għall-pajjiż.
Intant, il-gazzetta Illum irrappurtat li l-Kummissjoni Venezja faħħret il-kunċetti leġiżlattivi dwar il-proposti dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-korruzzjoni, dwar dawk ingaġġati mal-Gvern bħala persuni ta’ fiduċja, dwar il-ħatriet tas-Segretarji Permanenti u l-mod kif se jkun maħtur il-Kummissarju tal-Pulizija.
L-Illum irrapportat li l-Kummissjoni Venezja faħħret il-proposti tal-Gvern fil-qasam tal-ħatra u l-iddixxiplinar tal-Ġudikatura u iddeskriviet bħala pass fi direzzjoni t-tajba dawn il-bidliet kollha.