Il-Kummissjoni Ewropea sabet li pjanijiet tal-Gvern Malti biex jappoġġa l- ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli huma konformi mar-regoli tal-UE dwar l- għajnuna mill-Istat.
L-iskemi se jżidu l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, skont l-objettivi tal-UE dwar l-enerġija, mingħajr ma jfixklu l-kompetizzjoni. Minbarra Malta, kellha skemi simili l-Lussemburgu.
Kien f’Diċembru 2015, li Malta nnotifikat pjanijiet biex tappoġġa l-operaturi ta’ installazzjonijiet fotovoltajċi solari u ta’ installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ fuq l-art. L-għajnuna tingħata fil-forma ta’ ħlas ta’ primjum fuq il-prezz tas-suq. Skont il-pjanijiet, l-iżviluppaturi tal-enerġija mir-riħ fuq l-art jistgħu wkoll jagħmlu offerti għal appoġġ jekk sit eliġibbli jirċievi l-kunsens għall-iżvilupp tul il-ħajja tal-iskema.
Il- baġit totali tal-miżura se jkun madwar €140 miljun, allokati bejn l-2016 u l-2020. Il-Kummissjoni vvalutat il-pjanijiet skont il-linji gwida tal-2014 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija (iktar ‘il quddiem il-“linji gwida”), li jippermettu lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli taħt ċerti kundizzjonijiet.
Il-Kummissjoni sabet li l-miżuri se jinkoraġġixxu l-użu ta’ installazzjonijiet tal-elettriku rinnovabbli u jgħinu lill-Lussemburgu u lil Malta jiksbu l-miri tal-2020 għall-enerġija rinnovabbli. F’konformità mal- Linji Gwida, l-operaturi ta’ ‘l fuq minn 500 kW ma jirċievu l-ebda tariffa “feed-in” iżda jirċievu pagamenti ta’ primjums ibbażati fuq is-suq. Iż-żewġ skemi jiżguraw li t-tfixkil potenzjali tal- kompetizzjoni kkawżat mill-finanzjament pubbliku jiġi minimizzat. Skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, il-Lussemburgu għandu mira ta’ sorsi rinnovabbli ta’ 11 % gross tal-elettriku kkunsmat sal-2020.
Skont l-istess Direttiva, Malta għandha mira għall-enerġija rinnovabbli ta’ 10 % tal-elettriku gross ikkunsmat sal-2020. Sa tmiem l-2014 Malta kienet laħqet sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli ta’ 4 %. Din il-miżura hija maħsuba biex tgħinha tilħaq is-6 % li fadal.