Kif dejjem iddikjara l-Gvern is-sit fejn kien il-Cafè Premier irid jintuża għall-ġid tal-komunità u hekk se jsir issa li beda u miexi sew ix-xogħol fuq il-post li se jservi bħala lok għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Il-Ministru ghall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet, fejn saħaq fuq il-
pożizzjoni ċentrali li din il-binja se toffri lill-Kunsill Lokali u lil kull min jeħtieġ juża s-servizzi offruti, anke fid-dawl li l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea fl-2018.
Minbarra uffiċini minn fejn jaħdem il-Kunsill Lokali hemm pjanijiet biex fl-istess binja jsiru Day Centre għall-anzjani u Berġa.
Dan kollu, tenna l-Ministru Bonnici, se jwassal biex jagħti bini state of the art lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, li wara diversi snin se jkollhom uffiċju minn fejn joperaw kif jixraq. Il-ħsieb hu li x-xogħol fuq il-parti li se tintuża mill-Kunsill tal-Belt tkun lesta lejn tmiem din is-sena u tibda tintuża fl-2017.
Il-Ministru Bonnici għamel referenza għal proġett iehor importanti f’din il-binja – il-bini ta’ lift li jaghmel il-Bibjoteka Nazzjonali aċċessibli għal kulħadd, anke għall-persuni b’diżabilità.
Il-Ministru Bonnici temm jgħid li permezz ta’ proġetti bħal dawn il-Gvern iħares u jippreserva l-patrimonju storiku tal-Belt Valletta, waqt li joffri servizzi aħjar f’Belt li kull ma jmur qed issir iktar ħajja.
Ritratt: DOI Clodagh Farrugia O’Neill