Dan is-sajf se jkunu ntefqu €5,000,000 f’manutenzjoni ta’ skejjel madwar il-pajjiż. F’uħud minnhom il-bidla hija waħda enormi fejn fi ftit kliem wieħed jista’ jgħid li l-iskola saret qisha waħda ġdida. Fost il-każi fejn sar hekk hemm Ħaż-Żebbuġ fejn il-Ministru għall-Edukazzjoni għamel żjara dalgħodu.
Il-bini ta’ skola sekondarja li m’għadhiex tintuża kien rinovat u mibdul fi skola ġdida tal-Primarja, aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà, attraenti u moderna. Hawn biss intefqu €800,000.
B’hekk minn Settembru li ġej l-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żebbug se timxi f’din il-binja l-ġdida. Il-binja eżistenti tal-Iskola Primarja se tinkludi ċentru għall-ħarsien ta’ tfal ġdid fis-sular ta’ isfel u ‘learning support centre’ fis-sular ta’ fuq.
Il-modifiki fl-istruttura jinkludu lift ġdid (li qabel ma kienx hemm), toilets ġodda, twaqqiegħ ta’ ħitan, u mina taħt l-art li se tgħaqqad l-iskola l-ġdida mal-iskola primarja li hemm bħalissa.
Xogħol ieħor li qed isir huma t-tqegħid ta’ servizzi kompletament ġodda tal-ilma u l-elettriku flimkien ma’ għadd ta’ ornamenti oħra.
Parti importanti ta’ dan il-proġett huwa l-investiment li qed isir fl-għamara tal-iskola kollha, fl-‘intercative white boards’, fil-kompjuters, u f’ħafna apparat ieħor li huwa utli għat-tagħlim fid-dinja tal-lum. Investiment qed isir ukoll fil-faċilitajiet sportivi li se jkollha din l-iskola.