B’effett minn ftit tas-sigħat oħra se titneħħa l-emerġenza ta’ saħħa pubblika wara l-kontroll assolut b’suċċess fuq it-tixrid tal-imxija tal-Covid-19.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista minn tliet ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti, fuq ONE.
Il-Prim Ministru stqarr: “B’effett minn ftit sigħat oħra se titneħħa d-dikjarazzjoni ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika, jiġifieri dik id-dikjarazzjoni li kellna fis-seba’ ta’ Marzu li għadda fejn pajjiżna kien iddikjara emerġenza għas-saħħa pubblika.”
Filwaqt li sostna li l-pubbliku xorta għandu jkun kawt u jimxi mal-miżuri li tħabbru mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-Prim Ministru ħabbar ukoll reviżjonijiet ġodda fil-lista ta’ pajjiżi li se jiftaħ lejhom l-ajruport.
Fil-fatt fl-1 ta’ Lulju żdiedu t-titjiriet lejn partijiet kbar mill-Italja, Franza, Spanja u l-Polonja. Dan filwaqt li l-ajruporti fil-Greċja u l-Kroazja se jiftħu fit-totalità tagħhom.
Dan sabiex imbagħad mill-15 ta’ Lulju l-ajruport se jkun qed jinfetaħ għall-bqija tal-destinazzjonijiet.
Dawn id-deċiżjonijiet setgħu jittieħdu hekk kif il-każijiet ta’ Covid-19 f’pajjiżna llum, naqsu ħafna.
Il-Prim Ministru sostna: “Pajjiżna kkontrolla l-imxija tal-Coronavirus b’mod brillanti u li dan qed jirrikonoxxieh kulħadd. Rata ta’ mortalità mill-aktar baxxa, jiġifieri ejja nitilqu minn dan il-punt ta’ tluq għaliex jekk aħna ser nibdew nippruvaw nallarmaw u nbeżżgħu lin-nies, tkun verament disservizz lejn in-nies stess.”
Il-Prim Ministru sostna l-importanza tal-midja, u fakkar kif Gvern Laburista wera l-impenn tiegħu lejn dan is-settur anke waqt il-pandemija.
Dr Abela kompla jgħid: “Saret talba mill-Gvern biex nagħtu sostenn lill-midja houses kollha biex nagħtu sostenn finanzjarju. Din it-talba ġiet milqugħa kif għamluha preċiżament il-media houses mingħajr ebda kundizzjoni. Jiġifieri l-Gvern saritlu talba u aċċettaha.”
Tenna kif f’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm diskussjonijiet biex din l-għajnuna tkun ukoll estiża sa Settembru.
“Nemmnu li ewlenija fost il-kredenzjali li għandu jkollna hija midja b’saħħitha, li tiskrutinja lill-Gvern”, qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru qal li filwaqt li mhux se jkun hemm obbligu legali fuqu użu ta’ maskri jew distanza soċjali, iħeġġeġ li wieħed jibqa’ jsegwi dawn il-linji gwida.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/06/14/se-jizdiedu-sitt-pajjizi-li-se-jifthu-fl-1-ta-lulju/
https://www.one.com.mt/2020/06/14/se-jithabbru-incentivi-biex-in-nies-jidhlu-izjed-l-belt-il-pm/