Nirien li qabdu fis-sular ta’ fuq ta’ darha spiċċaw ħarġu lill-familtha minn darha filwaqt li ħadulha l-ħajja ta’ ħamest’ iklieb li tant kienet tgħożż. Din hija l-istorja ta’ Charmaine Agius li spjegatilna kif f’ħin bla waqt spiċċat bla saqaf fuq rasha.
One News żar din id-dar fil-Ħamrun, fejn qalb il-fdalijiet ta’ dik li qabel kienet il-kamra tat-tifel, spjegatilna kif kien hu li għarrafha bin-nirien li tħeġġu fis-sular ta’ fuq ta’ darhom.
“Għidtlu mur għajjat għall-għajnuna u għidilhom li qed insalva l-klieb. Kif tlajt insalva l-klieb beda ġej, ovjament kien hawn bieb aw, ftaħtu, u n-nar ifferoċja aktar. Beda riesaq lejja, pruvajt naqbad il-klieb, ma bdejtx narahom. Hemmhekk kelli sufan naħseb marru warajh. S’hemm naf għax imbgħad ma nafx minn fejn qbiżt u daqshekk.”
Hija spjegat kif in-nirien ħadulha kollox u kkawżawlha weġgħat kbar li għalihom diffiċli ssib wens.
“Li jkollok saqaf fejn tgħix u filli ma ssib xejn, kbira wisq hux, imbgħad għandi t-tifel tilef kollox, lanqas skużi l-qalziet ta’ taħt ma kien fadallu, ma nafx x’tista’ tkun iktar minn hekk, u titlef ħamest’ iklieb li kienu qishom it-tfal tiegħi hux.”
Stqarret li f’dan iż-żmien is-sostemn li qed jirċievu min-nies huwa fundamentali sabiex ħajjithom terġa’ tiġi lura għan-normal kemm jista’ jkun malajr. Dan filwaqt li għalissa tħares il-quddiem biex bil-mod il-mod il-familja tagħha terġa’ tikseb in-normalità li kellha qabel.
“Nippruvaw naħdmu flimkien hux, biex nibdew l-affarijiet hawn ġew għax min jorqodli l-hemm, min jorqodli l-hawn, qisna qatt ma nkunu flimkien hux, allura qed nagħmlu minn kollox biex nirsistu u nitolbu l-għajnuna, biex jgħinuna, biex forsi xi darba nerġgħu nirritornaw ġod-dar tagħna hux.”