Antoine Vella jew kif inhu magħruf aħjar ‘Antoine tan-Newl huwa s-seba ġenerazzjoni tal-familja Vella li iħaddan is-sengħa tal-insiġ bin-newl. Dan wara li meta kellu biss tminn snin missieru Karmenu kien beda jgħallmu jinseġ fil-btajjel tas-Sajf. Minn sempliċiment passatemp l-insiġ spiċċa xogħlu.
One News żar lil Antoine fil-workshop tiegħu fejn hemmhekk kien qed jaħdem fuq tapit imdaqqas.
Huwa spjegalna kif wara żmien li f’Malta kien hu biss li jinseġ permezz tan-newl ħlief għal mara oħra f’Għawdex, beda jinduna li din is-sengħa kienet se tintilef miegħu. Huwa għalhekk li bl-għajnuna tal-Malta Enterprise ġietu l-idea kif dan ma jħallihx iseħħ.
“Jiena bniedem li dak li tgħallimt, jiġifieri ma rridux imut miegħi. Jien dan l-aħħar kien hemm skema tal-Malta Enterprise u jiena jiġifieri dħalt għaliha u bis-saħħa tagħha għandi xi sbatax-il student, qed ngħallem sbatax-il student, jiġifieri l-et_á tvarja bejn 23 u 73 sena jiġifieri.”
Huwa spjega kif jirnexxielu joħloq il-kutri, twapet u prodotti bis-suf permezz tan-newl.
“ L-ewwel li trid tgħafas huma l-irfiesi biex jiftħulek il-ħajt, imbgħad għandek il-mekkuk li dak trid iddaħħlu minn bejn il-ħajt li tkun qed tirfes, tħabbat bid-deff u inti u taħdem mal-irfiesi trid toqgħod attent anke x’irfiesi tgħafas skond id-disinn li tkun trid tagħmel ukoll.”
Vella spjega kif illum jifhem li dan il-mod ta’ kif tagħmel prodotti bħal tapiti u lożor u li jaf il-bidu tiegħu f’pajjiżna għal min tal-inqas —– sena ilu huwa prinċiparjament maħsub biex il-prodott ikun wieħed li jservi.
“Barra minn hekk, jiena llum nista’ ngħid x-xogħol li kien isir fl-antik, kien ikun magħmul għal raġuni waħda, sempliċiment biex iservi. L-oġġett tal-lum sar kollox uża u armi, allura t-teknoloġija tal-lum qiegħda biex inti tikkonsma kemm jista’ jkun.”
Huwa stqarr kif maż-żmien l-interess fil-prodott artiġġjanali tiegħu naqas u għalhekk ma setax jaqla’ l-għixien kollu tiegħu mill-insiġ madankollu llum il-ġurnata jidher li l-interess tan-nies fix-xogħol artiġġjanali qed ikompli jiżdied u għalhekk jittama li qabel jirtira jerġa’ jibda jiffoka ftit fuq din is-sengħa u n-namra tiegħu.