L-istorja klassika ta’ kif l-iljun Simba jirnexxielu jikseb mill-ġdid it-tmexxija tar-Renju tal-Annimali wara li jegħleb lil zijuh Scar, kienet l-istorja li rat l-iktar Maltin jinkonkorru għas-swali taċ-ċinema biex isegwuha. Dan hekk kif il-Film ‘The Lion King’ kien l-iktar popolari f’pajjiżna s-sena l-oħra.
Fil-fatt il fuq minn 10% tan-nies li marru ċ-ċinema s-sena l-oħra, marru biex jaraw dan il-film. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-uffiċju nazzjonali tal-istatistika li wera wkoll kif il-film popolari ‘Aladdin’ ukoll ġibed numru kbir ta’ nies lejn is-swali taċ-ċinema Maltin b’iktar minn 7% tan-nies li marru ċ-ċinema f’din is-sena, marru jaraw dan il-film. Dan filwaqt li l-film ‘Joker’ kien it-tielet l-iktar wieħed li marru jarawh nies
Is-sena l-oħra, is-swali taċ-ċinema urew ftit aktar minn 400 film ġdid, b’kull wieħed intwera medja ta’ 71 darba f’waħda mis-swali taċ-ċinema madwar pajjiżna. F’pajjiżna s-sena l-oħra kien hawn sitt stabbilimenti taċ-ċinema reġistrati f’pajjiżna, bi tnejn minnhom kienu f’Għawdex. B’kollox f’sena l-istabbilimenti lokali biegħu ftit inqas minn 750,000 biljett. Dan filwaqt li produzzjonijiet lokali għamlu qliegħ ta’ 99,000 ewro gross f’650 wirja.