Iċ-Ċentru Nazzjonali Interattiv għax-Xjenza l-Esplora reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu wara li għaddiet l-imxija tal-Coronavirus.
Esplora ħa l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex iċ-ċentru jkun jista’ jerġa’ jiftaħ għall-pubbliku biex joffri esperjenzi edukattivi u ta’ divertiment, immirati kemm għat-tfal iżda anke għall-ġenituri tagħhom.
Iċ-chairman eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando esprima s-sodisfazzjon tiegħu li ċ-ċentru Esplora kien ippreparat li jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku immedjatament kif ingħata l-gwida mill-Awtoritajiet tas-Saħħa lokali.
“Ftit jiem qabel ma ftaħna ġibna uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa biex nassiguraw ruħna l-miżuri li ntroduċejna huma adegwati. Qalulna li mhux biss huma adegwati, li huma over and above li huwa mistenni minn visitors’ centre u kważi kważi tgħallmu mill-esperjenza meta għamlu visit lill-Esplora.”
Dr Pullicino Orlando qal li minbarra dawn il-miżuri, il-ħaddiema ħadu ħsieb li jduru dawra l-post b’interventi li s-soltu ma jkunux possibbli.
Irrikonoxxa wkoll il-preparamenti li saru mill-membri kollha tat-tim tiegħu fejn saħaq li dawn ħolqu diversi esperjenzi ġodda.
Ryan Ruggier, wieħed mill-ħaddiema tal-post spjega li dawn ġew iddiżinjati biex jieħdu vantaġġ mill-fatt li jnaqas l-ammont ta’ persuni li jistgħu jidħlu fil-post f’ħin wieħed.
“Il-fatt li hawn inqas nies jippermetti wkoll li jkun hemm atmosfera iktar intima biex nispjegaw ix-xjenza ta’ x’inhu jiġri. Jiġifieri nistgħu nispjegawhlhom b’mod aktar interessanti.”
B’wieħed mill-esperimenti li sar fuq dawk li attendew kien dak li għandu x’jaqsam mal-piż.
“Spjegajt lill-viżitaturi kif taħdem il-kunċett ta’ density. Jiġifieri tfajna frott ġol-ilma u l-frott beda’ jew jegħreq jew jiffloatja fil-kontenituri tagħna.”
Fuq ġewwa t-tim tal-Esplora ħa ħsieb li joħloq esperjenzi oħra msejħin ‘trails’ li jiżguraw li kemm iż-żgħar kif ukoll il-kbar jistgħu iqattgħu siegħa żmien, f’ambjent sigur.