Ħaddiem tax-xatt ingħata kumpens ta’ ftit aktar minn €182,000 wara li weġġa’ waqt xogħol li kien qed jagħmel fil-Port Ħieles.
Il-każ imur lura għal April ta’ sitt snin ilu meta l-ħaddiem waqa’ sular meta kien qed jaħdem fuq il-bastiment tal-merkanzija Titan.
Jirriżulta li minn dan il-każ ir-raġel sofra diżabilità f’wiċċu, fosthom f’għajnejh.
Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff, instema’ kif ir-raġel sofra danni ta’ €54,000 fi spejjeż tat-tobba u telf ta’ xogħol.
Fil-Qorti, il-Malta Freeport Terminals argumentat li l-ħaddiem ma kienx tagħha u qalet li t-talbiet tiegħu huma infondati iżda l-Imħallef qal li kemm il-Freeport u l-kumpanija tal-bastiment huma responsabbli.
Għalhekk, il-Qorti ddeċidiet li tordna kemm lil Malta Freeport Terminals u l-kumpanija Carmel Caruana Limited, li hija l-aġent tal-bastiment, biex iħallsu l-kumpens bl-ispejjeż u bl-imgħaxijiet legali mid-data tas-sentenza sad-data tal-ħlas effettiv.