Statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, uriet kif pajjiżna kellu t-tieni l-inqas tnaqqis fil-produzzjoni industrijali.
Dan ifisser li minkejja l-pandemija, il-qasam tal-manifattura baqa’ reżiljenti.
Filfatt għax-xahar t’April kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea naqqas il-produzzjoni industrijali iżda Malta sofriet it-tieni l-inqas tnaqqis wara l-Finlandja.
It-tnaqqis f’pajjiżna kien kważi ħames darbiet anqas mill-medja Ewropea.
Meta wieħed iqabbel il-produzzjoni industrijali f’April ta’ din is-sena ma’ dik t’April tas-sena l-oħra, isib li f’pajjiżna t-tnaqqis huwa disa’ darbiet anqas mill-medja Ewropea.
Dan fi sfond li pajjiżna ma marx għal-lockdown totali u l-qasam tal-manifattura baqa’ jopera anki jekk bi sfidi minħabba l-imxija.
Filfatt fl-Italja, Spanja u Franza, tliet pajjiżi li kienu f’lockdown totali, it-telf tal-produzzjoni kien ivarja bejn terz u nofs dak tas-sena li għaddiet, kontra 3% biss f’pajjiżna.
Fil-fatt il-Gvern qal li l-fabbriki tħallew jaħdmu u ma kinux jeħtieġu daqstant għajnuna mill-Gvern għaliex xorta ma naqqsux ħafna ħaddiema.
Minflok, bil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, il-Gvern qed inaqqas l-ispejjeż għall-fabbriki fejn fost l-oħrajn se jagħti għajnuna fuq il-kirijiet u spejjeż oħra ta’ taħriġ u tiġdid fil-produzzjoni.
Dan apparti li b’allokazzjoni ta’ erba’ mitt miljun ewro, il-Gvern ħabbar li ser ikun qiegħed jagħmel l-akbar investiment fl-istorja fl-infrastruttura industrijali ta’ pajjiżna.
Intant l-iktar tliet pajjiżi li rreġistraw tnaqqis fil-produzzjoni industrijali kienu l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Islovakkja.
Fil-fatt fl-Ungerija t-tnaqqis fil-produzzjoni industrijali kien b’aktar minn tletin fil-mija, li jfisser tmien darbiet aktar mit-tnaqqis irreġistrat fi gżiritna.