Bejn il-25 u t-28 ta’ Ġunju il-kapitali ta’ pajjiżna se toffri numru ta’ attivitajiet fosthom Ċinema fil-Miftuħ fi Ġnien Laparelli.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef stqarr kif din l-attività kapaċi tilqa’ sa tliet mitt persuna bilqiegħda filwaqt li xorta tinżamm id-distanza soċjali.
Is-Sur Micallef spjega: “Fis-sigħat ta’ qabel f’dawn il-ġranet fl-istess ġranet se jkunu għaddejin attivitajiet ta’ kostumisti fil Belt Valletta, fil-pjazza Tritoni, Pjazza San Ġorġ, Triq ir-Republika u triq Il-Merkanti qabel il-film. Imbagħad naturalment in-nies jkunu jistgħu waqt li jsir il-ħin tal-film jiġu hawnhekk u jsegwu il-film bħala cinema in the city.”
Il-Kummisarju tal-Films Johan Grech ħabbar il-films li se jintwerew fosthom The Greatest Showman u Jurassic World. Apparti dawn se jintwerew tliet films li nħadmu f’Malta fosthom World War Z, Captain Phillips u Thirteen Hours.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera li tkellem dwar l-għan ta’ din l-attività.
Huwa sostna: “Nikkreaw atmosfera ta’ attivitajiet kulturali u soċjali biex b’hekk inħajru lin nies ikunu fil-Belt u kif ikunu fil-Belt jieħdu pjaċir bl-attivitajiet li qed isiru u jonfqu l-flus fir-restaurants, fil-bars tagħna fil-klabbs tagħna, jixtru l-ħwejjeġ minn hawnhekk. Nerġgħu nressqu n-nies ġewwa l-Belt.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli saħqet fuq l-importanza ta’ attivitajiet bħal dawn li jżewqu kalendarju kulturali ġdid.
Fl-istess konferenza tkellem is-Sindku tal-Belt Alfred Zammit li qal kif qed iħares ‘il quddiem biex jara l-Belt Valletta tieħu l-ħajja li kellha sa ftit taż-żmien ilu.
Il-biljetti għaċ-ċinema fil-miftuħ jistgħu jinkisbu fost oħrajn minn fuq is-sit kultura.mt