Il-linja tal-ajru Ġermaniża Lufthansa qalet li se tkun qed tkeċċi tnejn u għoxrin elf mill-mija u ħamsa u tletin elf persuna li timpjega wara li l-pandemija tal-coronavirus ħalliet impatt fuq is-settur tal-avjazzjoni.
Il-Lufthansa qed tittama li jkun hemm qbil mal-unions sat-22 ta’ Ġunju li ġej. Apparti dan, huwa mistenni li l-kumpanija topera b’mitt ajruplan inqas, bit-tama li tirkupra mill-impatt li ħalliet l-imxija.
Linji tal-ajru oħrajn ukoll qed jimplimentaw miżuri simili fosthom il-British Airways, li se tkun qed tagħti s-sensja lil tnax-il elf persuna filwaqt li aktar minn elf pilota jinsabu f’riskju li jitilfu xogħolhom.
Ryanair ukoll mistennija li tnaqqas ħmistax fil-mija tal-ħaddiema tagħha. L-istess se jagħmlu l-EasyJet u l-Virgin Atlantic li bejniethom se jkeċċu madwar sebat elef u ħames mitt impjegat.