De Mondion fl-Imdina, u Noni u Under Grain, tliet ristoranti fil-Belt Valletta ġew ippreżentati bi plakka tal-premju prestiġjuż, Michelin.
Dan il-premju jingħata wara proċess rigoruż ta’ skrutinju mill-ispetturi ta’ Michelin li jżuru r-ristoranti u jippużaw bħala klijenti u wara jagħtu l-punti tagħhom skont l-esperjenza.
L-ewwel ‘Malta Michelin Guide’ li ġie ppubblikat aktar kmieni din is-sena għamel emfasi fuq il-firxa ta’ stitli u l-ħiliet kulinari f’Malta u Għawdex.
Iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia saħaq li din hija okkażjoni speċjali hekk kif dan huwa ċertifikazzjoni internazzjonali ta’ eċċellenza li ġie ppreżentat lil tliet stabbilimenti.
Dawn ir-ristoranti wrew avvanzi fix-xena tal-gastronomija lokali f’dawn l-aħħar snin. Gulia stqarr li dan kien avveniment partikolarment sinnifikanti wkoll għall-fatt li dan qed iseħħ f’mument meta s-settur tagħna finalment qed jiftaħ mill-ġdid.